Jidher li l-qiegħa qed tkompli tisħon hekk kif għadu kif ġie rrappurtat li xi grenades intefgħu f'bitħa ta' moskea fil-belt ta' Le Mans, fi Franza. Waħda mill-grenades splodiet, iżda jidher li ħadd ma weġġa'.
Jidher li dawn il-grenades intefgħu matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, tgħid il-gazzetta Franċiża Ouest-France. Tlieta mill-grenades li baqgħu ma splodewx ġew misjuba mill-Pulizija. Il-Pulizija dawru l-inħawi tal-moskea u s'issa ħadd għadu ma ġie arrestat.
Matul il-lejl ġiet irrappurtata wkoll sparatura fejn il-balla laqtet l-istess moskea.
Il-Pulizija qed tara żieda qawwija ta' attakki fuq moskei madwar Franza minn dak il-ħin li seħħ il-massakru fuq il-bini tal-gazzetta satirika Franċiża Charlie Hebdo.