Serqa minn ħalliel li daħal f'showroom b’xadina f'idejh

Il-Pulizija tfittex żewġ persuni magħrufin magħhom

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Il-Pulizija qed tfittex żewġ ħallelin li wettqu serqa ta’ oġġetti elettroniċi minn ħanut f’Ħal Qormi. Qed ikun allegat li wieħed mill-ħallelin daħal f'showroom tal-karozzi f'Ħal Qormi b’xadina f’idejh.

Illum għall-ħabta tat-2.50 p.m. waqfet karozza quddiem ix-showroom u minnha ħareġ raġel iġorr b’dik li deheret xadina żgħira u daħal fil-post. Jidher li wara li dan ir-raġel, ħataf apparat elettroniku, x'aktarx logħba tal-computer u ħareġ malajr. Huwa deher jidħol fl-istess karozza, li sorsi li tkellmu magħna qalulna li x’aktarx hija Nissan u fejn kien hemm kompliċi jistenna u ħarbu minn fuq il-post. Mhux magħruf jekk dak il-ħin kienx hemm xi ħadd fix-showroom.

L-istess sorsi qalulna li kulma leħqu raw min-numru tar-reġistrazzjoni kienu l-ittri li probabbli huma DAJ, imma ma setgħux jikkonfermaw in-numri.

Huwa mifhum li ż-żewġ persuni huma magħrufin mal-Pulizija fejn wieħed minnhom x’aktarx li anke kellu numru ta’ sentenzi mill-Qorti u fejn anke kien il-ħabs.

Il-Pulizija tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Pierre Micallef Grimaud, qegħdin jinvestigaw filwaqt li dawk mir-Rapid Intervention Unit għaddejjin bit-tfittxija għall-kriminali.

More in Kronaka