Fil-jiem li għaddew membri tat-Taqsima tal-Infurzar tad-Dwana għamlu qabda ta’ sigaretti u tabakk tax-shisha li kien intenzjonat li jiddaħħal f’Malta bil-kuntrabandu. Din il-qabda rriżultat wara tfittxija li saret fuq bastiment Libjan li wasal Malta minn Tripli l-Libja.
Wara li membri tad-Dwana telgħu fuq il-bastiment, u kif inhi l-proċedura normali talbu lill-kaptan jissottometti lid-Dwana x’għandu x’jiddikjara, saret tfittxija fuq il-bastiment u rriżultat sejba, f’diversi partijiet tal-bastiment u għand il-membri tal-ekwipaġġ, ta’ ammonti ta’ sigaretti u tabakk tax-shisha li ma kienux iddikjarati. Is-sejba kienet tikkonsisti fi 12,200 sigarett u 168 kilo ta’ tabakk tax-shisha li fuqhom hemm madwar €24,700 f’dazju tas-sisa u taxxi oħra.
Is-sigaretti, it-tabakk tax-shisha u l-bastiment ġew miżmuma mid-Dwana għal aktar investigazzjoni filwaqt li l-Pulizija gew mgħarrfa bil-każ.