Hold-up f'Ħ'Attard. Video John Pisani
L-ILLUM għadha kif ġiet infurmata li għal ħabta tas-7.30pm seħħ hold up fil-ħanut tal-Maypole fi Triq Santa Katarina f'Ħ'Attard.
Il-ħalliel kien armat b'arma tan-nar u liebes kollox iswed u maskra tal-Karnival biex jgħatti wiċċu. Waqt il-ħin tal-hold up kien hemm tliet klijenti fil-ħanut, fosthom mara tqila u madwar seba' impjegati. Il-mara tqila u ż-żewġ klijenti l-oġrajn kienu eżaminati minn Dr. Jonathan Joslin u jidher li ħadd ma sofra ebda ġrieħi apparti xokk ħafif.
Jidher li l-ħalliel daħal waħdu fil-ħanut,ordna lil żewġ kaxxiera biex jiftħu l-cash register u kif dawn fetħu huwa ġġebbed għal flus u seraq madwar €1,000 għalkemm din is-somma għadha mhix konfermata. Il-ħalliel hedded żewġ klijenti u ordnalhom jagħtuh il-kartieri tagħhom. Huwa ħarab minn fuq il-post, u kif ħareġ mill-ħanut dar lejn il-lemin u deher jiġri fidirezzjoni kappella tal-Madonna tal-Mirakli.
Fuq il-post bħalissa hemm il-pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li qed ifittxu lill-ħalliel li mid-dehra ħarab bil-pass. Mhux eskluż li jista' jkun kien hemm xi karozza tistennieh fil-viċinanzi.
Fuq il-post hemm l-Ispettur Joe Mercieca mill-Iskwadra Kontra l-Hold Ups li flimkien mal-Pulizija tad-Distrett bdew jinvestigaw dan il-hold-up. Il-Pulizija mistennija jelevaw filmati li nġibdu mill-cameras tas-sigurtá kemm tal-ħanut stess kif ukoll oħrajn li hemm fl-inħawi foshtom dik tal-Kunsill Lokal ta' Ħ'Attard.