(Aġġornat bl-aħħar żviluppi) Rejd f’Ħal Far mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni

Jinstabu immigranti li ġew mill-Italja jgħixu fil-katusi tal-asbestos. Se jintbgħatu lura lejn l-Italja

L-immigranti li nstabu jgħixu fil-katusi tal-asbestos.
L-immigranti li nstabu jgħixu fil-katusi tal-asbestos.

Aġġornament

Dan is-sit kompla jistħarreġ dan il-każ u minn diversi sorsi rriżultalna li hemm minn dawn it-tmin immigranti fil-fatt ma għamlu xejn illegali u lanqas daħlu Malta llegalment. Huwa mifhum li jekk jirriżulta li dawn l-immigranti m’għandhomx finanzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom biex jgħixu hawn Malta, allura l-Pulizija tibgħathom lura lejn l-Italja għax huwa l-pajjiż minn fejn ġew l-aħħar.

L-istess sorsi qalulna wkoll li dawn it-tmin immgranti fil-fatt ma daħlux Malta bil-katamaran, kif irrapportajna qabel, imma daħlu f’pajjiżna bl-ajru b’mod normali. Dan ġara għax l-Awtoritajiet Taljana joħorġulhom il-permess ta’ residenza fl-Italja u wħud minnhom jista’ għandhom ukoll dokument li bih jistgħu jsiefru b’mod normali f’kull pajjiż fl-Unjoni Ewropeja b’mod speċjali dawk fiż-Żona Schengen.

Ir-raġuni li dawn it-tmint irġiel inġabru mill-Pulizija hija minħabba l-fatt li kienu qiegħdin jgħixu fi stat ħażin u fil-ħmieġ. Għaldaqstant jekk b’xi mod dawn jinstabu li huma f’pożiżżjoni li jistgħu jmantnu lilhom infushom jistgħu jibqħu Malta daqs kull turist ieħor jew ċittadin ta’ pajjiż fl-UE.

Huwa mifhum li fil-fatt dawn it-tmint irġiel se jinbgħatu lura lejn l-Italja fejn qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex jitilqu minn Malta fis-siegħat jew fil-jiem li ġejjin.

Sadanittant fi stqarrija l-Pulizija qalet  li huma seba’ mill-persuni, ħamsa mill-Ghana u tnejn minn Togo, se jintbgħatu lura lejn l-Italja. Dawn kollha kellhom dokumenti maħruġa mill-Awtoritajiet Taljani. Kien hemm raġel ieħor ta’ ċittadinanza Spanjola u dan inħeles wara li d- dokumenti ġew ivverifikati.

iktar kmieni

Il-Pulizija mill-Iskwadra tal-Immigrazzjoni, immexxijien mill-Ispettur Mario Haber, flimkien ma’ dawk tad-Distrett mill-Għassa ta’ Birżebbuġia, kmieni dalgħodu, ftit qabel is-6.30 a.m., wettqu rejd f’Ħal Far qrib iċ-Ċentru Miftuħ fejn hemm jgħixu l-immigranti. Il-Pulizija sabu tmin immigranti li ġew mill-Italja li kienu qed jgħixu fil-katusi tal-asbestos b’periklu kbir għal saħħithom.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil illum.com.mt li dawn l-immigranti kienu daħlu llegalment l-Italja imma wara li għamlu xi żmien jgħixu l-Italja ddeċidew li jiġu jgħixu hawn Malta. L-istess sorsi qalu li dawn l-immigranti daħlu Malta x’aktarx bil-katamaran minn Sqallija u għaldaqstant meta waslu Malta ma kellhomx għalfejn juru l-ebda dokumenti.

Huwa mifhum li meta l-Pulizija għamlu r-rejd kmieni dalgħodu, barra li sabu lil dawn l-immigranti, sabu wkoll diversi oġġetti fosthom cookers żgħar li kienu jsajru  fuqhom, lożor u ħwejjeġ mitluqin. Mad-dawra tal-katusi kif ukoll fil-katusi stess instab ħafna ħmieġ u skart li ħallew warajhom dawn l-immigranti.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li bl-għajnuna tal-immigranti li jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ tqaċċat parti mill-fence biex dawn setgħu anke jingħataw ikel li jinħareġ mill-Awtoritajiet Maltin lil l-immigranti li qed jgħixu fiċ-centru. Mhux qed ikun eskluż ukoll li l-immigranti li nstabu jgħixu fil-katusi tal-asbestos kienu wkoll jidħlu bil-moħbi fiċ-Ċentru Miftuħ biex jużaw it-toilets u forsi anke jinħaslu.

Il-Pulizija ħadu lil dawn l-immigranti lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn qiegħdin jiġu interrogati.

 

 

More in Kronaka