Ċerti konsulenti qed jibagħtu pazjenti Għawdxin għal kimoterapija Malta

L-MUMN qed titlob li ssir inkjesta mill-gvern għaliex il-pazjenti qed jintbagħtu Malta meta f'Għawdex hemm dipartiment modern tal-kimoterapija

Il-gvern investa bis-sħiħ fl-iżvilupp taċ-ċentru tal-kimoterapija fl-isptar Ġenerali f'Għawdex. Illum l-isptar Għawdxi għandu faċilità state of the art tal-amministrazzjoni tal-kimoterapija li ġiet inawgurata mill-eks Ministru tas-Saħħa, Dr Godfrey Farrugia. Barra l-faċilitajiet mill-aqwa l-isptar t'Għawdex għandu tobba mħarrġa sew f'dan id-dipartiment u infermiera speċjalizzati, fejn l-amministrazzjoni tal-kimoterapija hi fdata f'idejn l-infermiera u t-tobba jidħlu biss f'każijiet rari fejn ikun hemm xi kumplikazzjoni.

Safrattant residenti Għawdxin li qed isofru mill-kanċer qed jiġu ordnati biex jivjaġġaw għall-isptar Boffa minn ċertu konsulenti tal-onkoloġija anke jekk dan l-ivjaġġar tant qed iġiegħel lil pazjent Għawdxi jsofri. Hemm minnhom sa anke qed ikollhom jikru kamra f'lukanda biex jistrieħu wara li jkunu ħadu l-kimoterapija. Hemm oħrajn li lanqas qed jaċċettaw li jmorru jieħdu l-kimoterapija minħabba xi maltemp li jkun hemm biex jaqsmu l-fliegu.

Pazjenti marru jilmentaw mal-MUMN biex titkellem f'isimhom minħabba li kienu l-MUMN li tat il-parir biex infermiera speċjalizzati Għawdxin jamministraw il-kimoterapija f'Għawdex.

Filwaqt li l-MUMN taf li hemm każi ta' kimoterapija li trid bilfors tingħata f'Malta minħabba li hemm ċerta mediċina li trid tittieħed malajr kemm jista' jkun, il-maġġoranza tal-kura tista' tingħata Għawdex. l-MUMN qed tinnota li ċerti konsulenti mhux qed iħallu lil pazjenti tagħhom jieħdu l-kimoterapija f'Għawdex minħabba r-ras iebsa ta' dawn il-konsulenti li qed iġiegħlu lill-pajzenti jbatu.

Apparantament iċ-ċermen tad-dipartiment tal-Onkoloġija aktar hu inklinat li jżomm mad-deċiżjoni ta' dawn il-konsulenti milli attwalment jara l-bżonn tal-pazjent qed tgħid l-MUMN. Dawn il-konsulenti qed jgħidu li dan qed isir għas-sigurtà tal-pazjent iżda l-MUMN qed tgħid li dan ma jagħmilx sens għax mhux kull konsulent qed jaġixxi l-istess. Is-sitwazzjoni qed tiddetorja fejn l-investiment f'dawn il-faċilitajiet kważi saru ta' xejn meta kważi l-ebda pazjent ġdid mhu qed jiġi riferit minħabba aġendi moħbijin minn ċert konsulenti, dejjem skont l-MUMN.

Għalhekk l-MUMN qed jikuntattjaw lil Ministru Konrad Mizzi biex jinvestiga dan il-'hi-jacking' tas-servizz minn ċerti konsulenti li mhux biss qed jarmu s-servizzi tal-gvern iżda qed joħolqu problemi kbar lil pazjenti.

L-MUMN lesta li tipprovdi pubblikament fatti u figuri jekk iżjed sofferenzi ikomplu jippersistu fuq il-pazjenti.

 

More in Kronaka