[AĠĠORNAT 2] Anzjana f’qagħda kritika wara li tinstab mal-art f’darha

Il-mara nstabet mixħuta mal-art wara l-bieb • L-anzjana mietet

Aġġornament

Fi stqarrija li l-Pulizija qalet li l-mara,  Vincenza Mifsud ta' 81 sena minn Ħal Qormi li ddaħlet l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika, sfortunatament tilfet mietet.

Iktar kmieni....

Għalkemm f'dan l-istadju l-Pulizija m'huma jeskludu xejn, jemmnu li l-anzjana, Vincenza Mifsud, x'aktarx li ħassha ħażin u waqgħet fejn spiċċat eżatt wara l-bieb ta' barra. Meta marru l-Pulizija tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Roderick Agius u s-Surġent James Turner, sabu l-bieb magħluq u peress li bdew jisimgħu l-krib tal-anzjana, ittawlu mill-kaxxa tal-ittri fejn raw lil Mifsud fl-art.

Peress li l-mara kienet eżatt wara l-bieb, il-Pulizija ma ssugrawx jisgassaw il-bieb għax kienu jweġġgħu lil Mifsud. Għaldaqstant issejħu xi qraba tagħha li fetħu l-bieb. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil Vincenza Mifsud l-Isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertfikata li tinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Anthony Vella li ordna inkjesta u ħatar lit-Tabib Forensiku Mario Scerri bħala espert tal-Qorti flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

iktar kmieni...

Anzjana tinsab fil-periklu tal-mewt wara li nstabet mal-art fir-residenza tagħha llum, 22 ta’ Jannar, 2015, għall-ħabta tas-6 a.m., fi Triq San Ġorġ, Ħal-Qormi.

Il-mara, li għandha 81 sena, instabet mill-Pulizija tad-Distrett, li kienu nfurmati b’telefonata anonima li l-anzjana nstemgħet tokrob minn wara l-bieb tagħha.

Il-mara sussegwentament instabet mixħuta mal-art wara l-bieb bl-għajnuna tal-familjari tagħha.

Hi ttieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin wara, fejn kienet eventwalment iċċertifikata li tinsab f’qagħada kritika.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.

 

More in Kronaka