Qed jiġi rrapportat li l-ISIS għadha kif ħarġet filmat online biex tħabbar il-qtugħ ir-ras ta' wieħed miż-żewġ ostaġġi Ġappuniżi li kienu qed jinżammu mill-ISIS stess.
Il-filmat li hu ta' madwar tliet minuti, jikkonsisti f'ritratt wieqaf tal-ġurnalista Ġappuniż Kenji Goto, ostaġġ ukoll, li qed iżomm ritratt li juri lill-ostaġġ sieħbu, Haruna Yukawa b'rasu maqtugħa.
Fil-filmat Goto jitfa' l-ħtija fuq il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe għall-qtil ta' Haruna Yukawa.
Bl-Ingliż, Goto qal: "Abe, int qtilt lil Haruna. Ma ħadtx it-theddida ta' dawn li qabduna bis-serjetà u m'aġixxejtx fi żmien 72 siegħa."
Din hija l-ewwel darba li l-ISIS użaw filmat b'awdjo u b'ritratt wieħed. Il-Gvern Ġappuniż ġie mitlub mill-ISIS biex iħallas $200 miljun għall-ħelsien tal-ostaġġi.
Intant omm Kenji Goto, Junko Ishido ta' 76 sena, għamlet appell minn pajjiżha fejn qed titlob għall-azzjoni mill-Gvern Ġappuniż. "Ibni mhux għadu tal-ISIS, kien qiegħed sempliċiment bħala ġurnalist indipendenti li jinteressa ruħu f'żoni mqallba tad-dinja." Dan qalitu Ishido f'konferenza stampa ppakjata li saret il-Ġimgħa filgħodu. Waqt l-ilfiq hi talbet maħfra għall-inkwiet li kkawża binha u qalet talbet lill-Gvern Ġappuniż biex jiżgura li binha jiġi meħlus, anke jekk dan ifisser li jħallas il-$200 miljun.