Turisti jistgħu jżuru l-Imdina u x-Xagħra f’epoki differenti
permezz ta' App li tiħdok lura fiż-żmien
More in Kronaka
permezz ta' App li tiħdok lura fiż-żmien
It-titlu jidher kemxejn stramb, iżda meta t-teknoloġija moderna tintuża biex toffri turiżmu differenti mingħajr ma toħloq sfreġju lil pajjiż u mingħajr ma toħloq inkonvenjent lin-nies tal-post, dan hu l-mod modern ta’ kif wieħed jista’ jagħti sostenibbilità lit-turiżmu.
It-turiżmu f’Malta qed jilħaq rekords ġodda. Iżda importanti li t-turiżmu nnifsu ikun immexxi b’mod sostenibbli. Fl-1970 kienu saru studji fl-Ewropa fejn ġie nnutat li qed nikkunsmaw aktar milli qed nipproduċu. Fl-1987 kien sar rapport dwar żvilupp sostenibbli fejn ingħataw direttivi biex kull pajjiż jieħu ħsieb ir-riżorsi kulturali tiegħu u jħallihom hemm għan-nies u turisti tal-futur.
Fis-sittinijiet beda t-turiżmu tal-massa u dan it-tip ta’ turist qed jinbidel għal wieħed alternattiv. It-turist modern qed ifittex li jżur pajjiż għall-ikel tiegħu, għal kultura differenti, għall-aspetti uniċi u endemiċi ta’ postijiet differenti.
Nadia Theuma li għandha PHD fit-turiżmu hi l-project leader fi proġett mill-aktar interessanti fejn qed tinħadem ‘app’ li jaħdem billi l-persuna li żżur liema parti trid tal-Imdina u tax-Xagħra, Għawdex tkun tista’ tara dik it-triq, pjazza, maqdes jew binja kif kienet f’epoki differenti, bħal fi żmien il-Biżantini, Medju Evu, Neolitiċi u anke kif kienu l-widien tax-Xagħra f’eri diversi. B’dan il-mod ma jkunx hemm għalfejn isiru skavi jew bini żejjed li jista’ anke jdejjaq jew ikun ta’ inkonvjenjent għal dawk li jgħixu f’dawn in-naħat. Speċjalment meta wieħed iqis li fl-Imdina jgħixu madwar 300 persuna u jżuruha madwar 1.5 miljun turist fis-sena. U l-istess ix-Xagħra Għawdex. Għalhekk b’dan il-mod filwaqt li persuna jkun jista’ jara b’mod virtwali kif kienu jgħixu, il-bini u l-kultura ta’ liema epoka wieħed jagħżel, jista’ jagħmel dan mingħajr ma jdejjaq lil ħadd u kollox jibqa’ kif inhu.
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM