Seraq u vvandalizza kiosk fil-Qawra

Il-Pulizija qed tfittex ħalliel

Taf min hu dan?
Taf min hu dan?

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra mmexxijin mill-Ispettur Godwin Scerri qed jinvestigaw każ mhux biss ta’ serqa, imma wkoll vandaliżmu liema ħsara tleħħaq l-eluf ta’ Ewro barra l-flus u oġġetti oħrajn li nsterqu.

Dan l-att kriminali seħħ fillejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra. Kien għall-ħabta tat-3.00 a.m. tal-20 ta’ Jannar meta l-Pulizija ġew informati li kienet seħħet serqa miċ-Champions Kiosk li tinsab ħdejn Fra Ben fil-Qawra. Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk mill-Iskwadra tal-RIU.

Dan is-sit għandu f’idejh ir-ritratti tal-ħalliel għalkemm mhux magħruf jekk kellux xi kompliċi miegħu. Biex il-kriminal daħal fil-post kisser ħġieġa kbira u kif kien fil-kiosk għamel ħsara fil-kaxxa tas-sigaretti. Fil-fatt din instabet fuq il-blat sgassata u s-sigaretti u l-flus li kien hemm fiha nsterqu kollha. Il-ħalliel seraq ukoll aktar flus, sim cards u fliexken tax-xorb alkoħoliku u diversi oġġetti oħrajn. Huwa mifhum li b’dak li seraq u l-ħsarat kbar li għamel ileħħqu l-eluf ta’ Ewro. 

Għall-ewwel il-ħalliel daħal fil-post b’wiċċu mgħotti, iżda kif kien għaddej iwettaq il-ħsara u s-serq wiċċu nkixef u nqabad bil-camera tas-sigurtá.

Dwar dan il-każ ġie informat il-Maġistrat Dr Giovanni Grixti li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti biex iħejju r-rapporti tagħhom.

Kulmin għandu informazzjoni dwar dan ir-raġel huwa mitlub jinforma lill-Pulizija.

Din ma kinitx l-ewwel darba li ċ-Champions Kiosk kien fil-mira tal-ħallelin. Fl-2009 Richard Muscat minn San Ġiljan, li dak iż-żmien kellu 18-il sena, u kompliċi ta’ 16-il sena kienu nstabu ħatjin ta’ attentat ta’ serqa mill-istess post u li kkaġġunaw ħsarat ta’ madwar €1,164. Dan il-każ kien seħħ ukoll fillejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta fix-xahar ta’ Marzu.

 

More in Kronaka