[AĠĠORNAT 2] Se ssir id-difna tal-katavru tar-raġel li nstab mejjet il-Ħamrun
Il-Pulizija xorta qed jistennew ir-riżultati tosskoloġiċi qabel jagħlqu l-każ
More in Kronaka
Il-Pulizija xorta qed jistennew ir-riżultati tosskoloġiċi qabel jagħlqu l-każ
Aġġornament 2
Peter Borg, qarib ta' Pawlu Zammit, qalilna li l-Maġistrat irrilaxxat il-katavru ta' Zammit tant li għada filgħodu se jsir il-funeral tiegħu. Nhar il-Ġimgħa, Zammit instab mejjet fl-art wara l-bieb ta' dar ta' ħabib tiegħu fil-Ħamrun. Minħabba ċ-ċirkostanzi ta' kif instab il-Pulizija żammet għal xi ħin raġel barrani, x'aktarx ta' nazzjonalità Libjana, biex jgħinha fl-istħarriġ.
Aġġornament 1
Il-katavru ta’ Pawlu Zammit, li nstab mejjet ilbieraħ wara l-bieb ta’ barra f’residenza fil-Ħamrun, għalissa mhux se jindifen peress li l-Pulizija se jkunu qed jistennew ir-riżultati tossikoloġiċi.
Dalgħodu saret l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Zammit fejn l-ewwel riżultati indikaw li huwa miet b’attakk tal-qalb imma minħabba ċ-ċirkostanzi kif instab u peress li fl-istess residenza l-Pulizija sabu siringa, f’dan l-istadju se jkunu qed jistennew aktar riżultati.
Huwa mifhum li l-Pulizija għadha qed iżomm raġel barrani, x’aktarx ta’ nazzjonalità Libjana, li joqgħod fl-istess dar fejn instab mejjet Zammit biex ikompli jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom.
Iktar kmieni…
Illum għall-ħabta tas-6.00 p.m. il-Pulizija tad-Distrett ġew informati li kien hemm raġel mejjet f'residenza privata fi Triq Miggiani fil-Ħamrun. S’issa l-Pulizija m’għandha l-ebda indikazzjoni ta’ xi ħaġa suspettuża, imma xorta se tkun qed tistenna r-riżultat tal-awtopsja.
Ir-raġel, Pawlu Zammit ta’ 47 sena mill-Mosta, imma li dan l-aħħar kien qed joqgħod il-Ħamrun ma’ ħabib tiegħu, jidher li dalgħodu ħareġ mid-dar u rritorna ftit wara nofsinhar. Meta sieħeb Zammit wasal lura d-dar għall-ħabta tat-3.30 p.m. u fetaħ il-bieb, sab lil Zammit wara l-bieb mitluq fl-art fuq tapit u mgħotti b’kutra. Huwa ħaseb li kien rieqed u ħallih. Ftit qabel is-6.00 p.m. meta ra li Zammit kien għadu fl-art mar biex iqajmu iżda dan ma rrispondix. Kien hawn li ssejħet l-ambulanza iżda Pawlu Zammit, li kien magħruf bħala “Pawlu l-Iswed”, ġie ċċertfikat mejjet.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Robert Vella li bdew jinvestigaw il-każ fejn anke ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti biex iħejju r-rapporti tagħhom.
Il-kadavru ta’ Zammit ittieħed il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei bil-hearse tal-Pulizija fejn għada mistennija ssir l-awtopsja.