[AĠĠORNAT] L-aggressur tal-pulizija jintbagħat il-ħabs

Jimale Hassan  jeħel 3 snin u 9 xhur ħabs u multa ta'  € 4,500

Ritratt - Arkivji
Ritratt - Arkivji

L-aggressur Jimale Hassan ta' 26 sena ttella l-qorti dalgħodu akkużat li agredixxa pulizija u weġġgħu gravi filwaqt li ammetta l-akkużi kontrih. Hu ġie sentenzjat għal 3 snin u 9 xhur ħabs effettiv u multa ta'  € 4,500.

Aktar qabel:-

Il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest raġel ta’ nazzjonalitá Somala wara li aggredixxa Kuntistabbli fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa.

Minn stħarriġ li għamilna jirriżulta li s-Somalu, Jimale Hassan Abdullah ta’ madwar 26 sena, fillejl li għadda għall-ħabta tas-2.10 a.m., daħal fl-Għassa tal-Pulizija b’rapport tal-Pulizija f’idejh. Dak il-ħin fl-Għassa kien hemm PC David Bezzina waħdu li staqsa x’kellu bżonn Abdullah. Is-Somalu qallu li ried ikellem lis-Surġent li kien għamel ir-rapport li kellu f’idejh. Meta PC Bezzina qallu li dak is-surġent ma kienx xogħol, il-barrani beda jxejjer ir-rapport f’wiċċ il-Kuntistabbli u baqa’ jinsisti li ried lis-surġent.

Il-Pulizija ppruva jispjegalu li ma kienx possibli u offrilu jekk jistax jgħinu hu, iżda s-Somalu, li kellu riħa ta’ xorb alkoħolku fuqu, baqa’ jinsisti u jgħolli leħnu. Meta PC Bezzina ipprova jikkalmah, Abdullah aggredixxa lil Bezzina li min-naħa tiegħu talab għall-assitenza.

Fi ftit minuti waslu aktar Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Ħamrun kif ukoll mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit fejn sabu lil Jimale Hassan Abdullah għadu qed jgħajjat fl-Għassa li deher li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u PC Bezzina li kellu wiċċu bid-demm kawża ta’ ferita. Il-kuntistabbli ttieħed għall-kura medika fejn instab li sofra ġrieħi gravi filwaqt li Abdullah kellu feriti ħfief.

Bil-każ ġie infurmat l-Ispettur Robert Vella tad-Distrett li flimkien mas-Surġent Graziella Camilleri qed jinvestigaw din l-aggressjoni.

More in Kronaka