Il-baħar Mediterran jibla' 330 immigrant fi triqithom lejn l-Ewropa

L-immigranti ġew imġiegħla jirkbu d-dingis mit-traffikanti billi bdew jagħtuhom bil-bsaten u jhedduhom bil-pistoli

B'kollox kienu erbgħa d-dingis li telqu mil-Libja li nqalbu fil-baħar Mediterran. Kull dingi kellu fuqu madwar 100 immigrant fejn fuqhom kien hemm 420 persuna. Meta wieħed iqis id-29 li mietu l-bieraħ, u l-oħrajn li sfaw mgħerrqa llum, il-vittmi huma 330.

Mill-erbgħa li bdew triqithom għall-mewt kien hemm dingi li kien salvat nhar it-Tnejn b'105 immigranti abbord fejn minnhom mietu 29 bl-ipotermja. Żewġ dinghis oħra b'105 u 107 fuq kull wieħed minnhom għerqu u salvaw biss 9 minnhom li ġew salvati minn vapur tal-merkanzija u twasslu llum f'Lampedusa. Ir-raba dingi li fuqu kien hemm 100-105 immigrant, baqa' ma tfaċċax u jidher li għereq b'kollox. Dan ifisser li mill-420 immigrant li telqu mil-Libja nhar is-Sibt, 330 minnhom sabu l-mewt fil-baħar qawwi Mediterran meta kien għaddej b'qawwa ta' forza 8.

L-immigranti kienu kollha żgħażagħ fejn l-età medja tagħhom kienet ta' 25 sena u kienu ġejjin minn Mali, Kosta tal-Avorju, Senegal u Niger. Huma kienu qed jgħixu l-Libja fejn kienu anke sabu xi xogħol qabel qabdu t-triq lejn l-Ewropa. Huma qalu li kienu mġiegħla jirkbu d-dingis billi bdew jagħtuhom bil-bsaten u jhedduhom bil-pistoli u misruqin minn dak kollu li kellhom. Din it-traġedja turi kif dawn it-traffikanti qed jitrattaw lil dawn imsejkna immigranti. Meta wieħed iqis li ntefgħu f'baħar b'mewġ ta' 8 metri u baħar forza 7-8 dawn kienu qed jibagħtu lil dawn in-nies għall-mewt. 

More in Kronaka