(Aġġornat b'aktar dettalji u ritratt) Hold-up f’Bormla f’ħanut tal-logħob

Impjegat mhedded waqt li kien qed idaħħal il-flus fis-safe. Misruqin aktar minn €6,000. Is-serqa tinqabad kollha fuq filmat

Il-post fejn seħħ il-hold-up
Il-post fejn seħħ il-hold-up

Aġġornament

Meta l-Pulizija kompliet tinvestiga l-każ u eżaminaw il-cameras tas-sigurtá fil-post, waslu biex arrestaw raġel ta’ 28 sena minn Bormla stess. Id-diskrizzjoni tal-allegat ħalliel ġiet deskritta bħala raġel mibni tant li anke jżomm ruħu fiżikament fejn mhux eskluż li anke jipprattika l-‘bodybuilding’.

Mill-filmati li ġew elevati mill-ħanut stess ‘Bestplay’, jirriżulta li l-allegat kriminal daħal fil-ħanut u hedded lill-impjegat b’arma fejn anke ordnalu jiftaħ il-cash register fejn tinżamm iċ-ċavetta tas-safe.  

iktar kmieni...

Tard l-Erbgħa filgħaxija ġie rrapportat hold-up ieħor din id-darba f’Bormla minn ħanut tal-logħob f’Bormla.

Dan ir-reat kriminali seħħ għall-ħabta tal-10.50pm meta żagħżugħ ta’ 21 sena minn San Ġwann li jaħdem fil-ħanut tal-logħob fi Triq Santa Tereża f’Bormla, kien qiegħed idaħħal xi flus fis-safe meta daħal fuqu raġel liebes ġakketta skura, b’wiċċu mgħotti u armat. Il-kriminal hedded lill-impjegat bl-arma u ordnalu jtih il-flus fejn dan għaddielu madwar €6,400.

Kif il-ħalliel ħataf il-flus ħarab minn fuq il-post. Mhux magħruf jekk dan kellux xi kompliċi jistennih barra b’karozza jew jekk ħarabx bil-ġiri.

Kif ingħata l-alarm il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit għamlu diversi roadblocks fl-inħawi ta’ Bormla u anke Raħal Ġdid filwaqt li l-Pulizija tad-Distrett u dak mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali bdew bl-istħarriġ tagħhom.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li lbieraħ stess ġie arrestat raġel li qed jinżamm biex jgħin fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Dan huwa t-tielet hold-up din is-sena li nafu bih aħna. L-ewwel wieħed sar fl-14 ta’ Jannar mill-fergħa tal-Maypole fi Triq Santa Katerina f’Ħ’Attard minn fejn insterqu madwar €1,000 u kartiera ta’ klijenta.

Fis-16 ta’ Jannar kien hemm it-tieni hold-up din id-darba fuq impjegat ta’ 22 sena li kien pet shop fi Triq il-Wied f’Ħal Balzan. Minn hawn insterqu madwar €500.

 

More in Kronaka