(Aġġornat b'aktar dettalji) “Arrestata” mogħża fl-Imsida

Paniku fi toroq wara li mogħża ħarbet lil sidha. Tinżamm minn Pulizija u tliet ħaddiema

Aġġornament

Wara li din l-istorja ġibdet l-attenzjoni ta’ eluf ta’ qarrejja, sorsi li tkellmu magħna qalulna li fil-fatt kien Pulizija bl-għajnuna ta’ xi rġiel oħrajn li żammew il-mogħża milli tkompli toħloq inkonvenjent fit-toroq.

Dawn is-sorsi saħqu li l-mogħża l-ewwel ma deheret tiġri kienet fi Triq Galea fil-Ħamrun fejn dak il-ħin il-Kuntistabbli David Farrugia, li kien qiegħed iqassam xi riferti bil-mutur tas-servizz, mar wara l-mogħża fejn beda jiġbed l-attenzjoni tas-sewwieqa.

Minkejja diversi tentattivi biex il-mogħża tinżamm, din baqgħet tiġri fit-toroq. Kif waslet qrib il-Junior College fl-Imsida, eżatt fi f’Misraħ il-Barrieri fejn hemm l-iskola Mater Dei, PC Farrugia kien pront niżel minn fuq il-mutur u bl-għajnuna ta’ tliet ħaddiema li kienu qed jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni fl-inħawi, irnexxielhom iżommu l-mogħza mill-ħarba tagħha.

Huma rabtu l-mogħża mal-kanċell sakemm fuq il-post marru l-Pulizija tal-RIU kif ukoll mit-Taqsima tal-Kavallerija. Minkejja l-ġirja pjuttost twila, il-mogħża ma ġrala xejn fejn ingħatat f’idejn l-impjegati mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali fejn tpoġġiet f’gaġġa apposta u ttieħdet minn fuq il-post.

Iktar kmieni…

Diversi studenti li jattendu l-Junior College dalgħodu għamlu kuntatt magħna meta raw kommossjoni fl-inħawi u anke Pulizija. Għall-ewwel ħasbu li kien ġara xi każ serju, iżda rriżulta li mogħża kienet il-kaġun ta’ kollox.

Jidher li kien għall-ħabta tad-9.15am meta l-Pulizija ġew informati li fit-triq kien hemm mogħża tiġri u li kienet qed toħloq problemi speċjalment għal xi sewwieqa. Fuq il-post marru l-Pulizija mill-RIU kif ukoll tad-Distrett biex ifittxu l-mogħża.

Student li tkellem magħna qalilna li żagħżugħ b’xi mod irnexxielu jżomm il-mogħża fejn din intrabtet mal-kanċell tal-Junior College sakemm marru l-Pulizija għaliha.

Mill-informazzjoni li kisbet l-ILLUM jidher li l-mogħża issa ġiet irritornata għand sidha.

More in Kronaka