Il-Pulizija mill-Iskwadra tal-Rapid Intervention Unit fi ftit minuti sabu karozza li kienet involuta f’hit&run f’San Pawl il-Baħar.
Il-każ seħħ aktar kmieni llum waranofsinhar, għall-ġabta tas-1.20 p.m., fi Triq San Pawl il-Baħar fl-inħawi tax-Xemxija meta karozza tat-tip Nissan ħabtet head-on ma' karozza Fiat Brava bis-sewwieqa tan-Nissan baqgħet sejra. Id-daqqa tant kienet vjolenti li Fiat lspiċċat f’nofs tat-triq u ma setgħetx tinsaq. Is-sewwieqa tal-Fiat ma sofriet l-ebda ġrieħi għalkemm deher li kellha xokk fuqha.
Minnufih il-Pulizija tal-RIU bdew tfittxija għall-karozza u s-sewwieq. Nifhmu li l-karozza nstabet ipparkjata ħdejn residenza x’aktarx tas-sewwieqa stess. Mid-daqqiet li nstabu fuq il-karozza mhux qed ikun eskluż li kienet involuta f’każijiet oħrajn ta’ hit&run.
Il-Pulizija tad-Distrett qegħdin jinvestigaw dan il-każ.