F’dak li jidher bħala surcharge tal-elettriku f’daqqa, kkawża short circuit f’xi kompjuters fi klassi li tintuża bħala laboratorju fejn isir it-tagħlim tal-kompjuters fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca li hija l-Iskola Primarja tal-Ħamrun. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-10.30am.
Il-Kap tal-Kulleġġ, David Caruana, qal lil ILLUM li s’issa jidher li kien hemm kurrent qawwi fejn instema’ ħoss u f’daqqa waħda ħarġet daħna kbira. Huwa qalilna li għalkemm f’dak il-ħin ma kienx hemm studenti imma membri tal-istaff biss, xorta waħda ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha.
Caruana qalilna li ħafna mit-tfal kienu diġà fil-bitħa għax kien il-ħin tal-break, iżda xorta ndaqq l-alarm tal-ħruq u t-tfal li kienu għadhom fil-klassijiet inħarġu wkoll fil-bitħa.
“Hawnhekk nagħmlu fire drill fuq bażi regolari u għalhekk l-istudenti kollha jafu xi jridu jagħmlu, dejjem taħt is-superviżjoni tal-għalliema u l-impjegati. Peress li ma kienx hawn nirien imma duħħan biss, ma kellnix għalfejn noħorġu t-tfal fit-triq, imma ħriġnihom kollha fil-bitħa biex ikunu aktar siguri u kkontrollati”, qalilna l-kap tal-kulleġġ. Huwa saħaq li ma kien hemm l-ebda paniku u fi ftit ħin kollox kien taħt kontroll.
Fuq il-post marru l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit kif ukoll tad-Distrett u l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Marru wkoll ħaddiema mill-Korporazzjoni Enemalta li flimkien ma’ dawk tal-Protezzjoni Ċivili kkonfermaw li ma kienx hemm aktar periklu.