(AĠĠORNAT) Anzjana tintlaqat minn karozza f’Tas-Sliema - tinsab fil-periklu tal-mewt

Għad irid ikun ikkonfermat jekk kinitx qiegħda taqsam minn fuq iż-zebra crossing

Pulizija u persuni oħrajn qrib l-anzjana jistennew l-ambulanza.
Pulizija u persuni oħrajn qrib l-anzjana jistennew l-ambulanza.
L-anzjana tingħata l-ewwel għajnuna medika
L-anzjana tingħata l-ewwel għajnuna medika

Aġġornament

Maria Arcidiacono, l-anzjana ta' 75 sena li nhar it-Tlieta ntlaqtet minn karozza meta kienet qegħda taqsam it-triq, sfortunatament ilbieraħ filgħaxija qalbet għall-agħar u tinsab fil-periklu tal-mewt. Bħaliisa l-mara qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Aktar qabel...

Dalgħodu ftit wara t-8.00 a.m. anzjana ta’ 75 sena minn Tas-Sliema ntlaqtet minn karozza meta kienet qegħda taqsam it-triq. Il-Pulizija għad trid tikkonferma jekk l-anzjana, Maria Arcidiacono, kinitx qiegħda taqsam minn fuq iż-zebra crossing fil-ħin tal-inċident.

Dalgħodu għall-ħabta tat-8.05 a.m. vann Citroen Berlingo abjad misjuq minn Rajilovic Strahinja ta’ 38 sena mis-Serbja residenti l-Imsida, kien fi Triq Dingli sejjer fid-direzzjoni fejn hemm it-tliet siġriet. Kif wasal f’nofs it-triq fejn hemm zebra crossing laqat lill-anzjana li spiċċat ftit ’il bogħod miż-zebra crossing. Persuni li kienu fil-qrib taw l-ewwel għajnuna lill-mara fejn poġġewlha rasha fuq imħadda u anke għattewha filwaqt li wżaw l-umbrellel li kellhom biex jilqgħu ix-xita.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent David Sant kif ukoll dawk mill-RIU li għalqu parti mit-triq sakemm waslet ambulanza b’infermiera. Wara li ngħatat l-ewwel għajnuna medika fuq il-post tal-inċident, Maria Arcidiacono ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn qiegħda tingħata l-kura medika.

Il-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa għalkemm l-ewwel indikazzjonijiet jidhru li mhix fil-periklu tal-mewt.

 

More in Kronaka