Il-UĦM qed tikkundanna aggressjoni fil-konfront ta' Segretarju ta' Taqsima tagħha li seħħet dalgħodu fid-depot tal-kumpanija Malta Public Transport (MPT) li jinsab fil-Park and Ride tal- Furjana.
Martin Caruana, is-Senior Secretary tat-Taqsima Port u Trasport fi ħdan il-UĦM kien għadu kif akkumpanja numru ta' persuni li huma membri ta' kumitat tal-UĦM li jirrapreżentaw lill- ħaddiema tal-kumpanija fid-depot tal-Furjana.
Numru ta' xufiera, membri tal-GWU, li kienu abbord vann tal-MPT, kienu se jitwassalu għax- xogħol fit-terminus tal-Belt. Is-Senior Secretary tal-UĦM sellem lil dawn il-ħaddiema, iżda dawn, minflok, infexxew jinsultawh bi kliem dispreġjattiv.
Il-UĦM għal darb'oħra tikkundanna dan l-aġir irresponsabbli u qed tistenna lill-GWU biex twiddeb lil dawn il-ħaddiema membri tagħha u, jekk ikun il-bżonn, tieħu l-passi meħtieġa biex tali affarijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.
Bħalma lbieraħ, fuq sempliċi tilwima verbali bejn żewġ shop stewards, il-GWU ħarġet tagħmel eloġju sħiħ, il-UĦM qed tistenna li tikkundanna dan l-inċident mill-aktar fis possibbli.