(Aġġornat) Sidt ta' ħanut ħelsitha mill-mewt fil-Fgura

Mhux il-planki tqal, imma l-ilma tax-xita li daħal bejn il-planki

Sid il-ħanut, xellug, b'xokk fuqha wara li ħelsitha mill-mewt.
Sid il-ħanut, xellug, b'xokk fuqha wara li ħelsitha mill-mewt.

Aġġornament

Persuni li tkellmu magħna qalulna li fil-fatt mhux il-planki li kienu tqal wisq għas-saqaf, imma li kkaġuna li s-saqaf jisfronda kienet ix-xita li għamlet u li bejn il-planki ma kienx leħaq tkaħħal.

Dawn is-sorsi qalulna li meta l-kuntrattur poġġa l-planki biex ikun hemm bażi soda biex ikompli jibni, jidher li ma ttieħdux il-prekawzjonijiet biex f’każ li tagħmel ix-xita ma jgħaddix l-ilma bejn il-planki.

“Li ġara huwa li l-kwantitá ta’ xita li għamlet daħlet bejn il-planki u għaddiet għal fuq x-xorok li minħabba li l-bini huwa ftit antik u x-xorok kienu maqsumin, l-ilma tax-xita għadda mix-xorok u l-materjal ta’ taħtu xxarrab. B’konsegwenza ta’ dan is-saqaf tal-ħanut ma felaħx la l-ilma u lanqas it-toqol tal-meterjal li kien imxarrab.”

L-istess sors qalilna li fil-fatt il-planki li tpoġġew għadhom hemm u ma ġralhom xejn. Huwa temm jgħid li din kienet xi ħaġa li mhux faċli tobsor li tista' ssir għax ovvja li ħadd ma basar li kienet se tagħmel dik il-kwantitá ta' xita.

"Vera li ġrat ħafna ħsara, imma l-importanti li ma weġġa' ħadd. Wieħed jittama li minn dan il-każ tittieħed lezzjoni", talabna nappellaw is-sors tagħhna

aktar qabel...

Sidt il-ħanut “For Her”, Jade Mizzi ta’ 30 sena, ħelsitha mill-mewt meta s-saqaf tal-ħanut tagħha sfronda. Il-ħanut, li huwa taż-żraben tan-nisa u aċċessorji, jinsab fi Triq Hompesch fil-Fgura.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 12.10 p.m. meta ħaddiema li qegħdin jagħmlu xogħol fuq sit li qiegħed jinbena u li jinsab fuq żewġ ħwienet, dak ta’ Mizzi u ieħor li jbiegħ il-laħam, poġġew planki tal-konkrit fuq is-saqaf tal-ħanut tal-mara biex isaħħu s-saqaf biex b’hekk ikun aktar sigur. Jidher li l-bini ċċaqlaq b’konsegwenza li s-saqaf tax-xorok ċeda u s- sfronda fil-ħanut. B’xorti tajba dak il-ħin il-mara  kienet fuq in-naħa ta’ wara tal-ħanut u kif semgħet il-ħoss inħasdet. B’xi mod ħarġet minn qalb it-tifrik u t-terrappien u għalkemm ma sofriet l-ebda ġrieħi, hija dehret li kellha xokk kbir fuqha. Fil-ħin tal-inċident ma kienx hemm klijenti. Persuni li kienu fil-qrib, fosthom anke l-ħaddiema li qegħdin jaħdmu fuq l-istess sit, marru jassitu Mizzi.

Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Ian Grima marru fuq il-post biex jistħarġu. L-Ispettur Spiridione Zammit ġie informat bil-każ. Jidher li ssejjaħ perit biex jara xi ħsarat strutturali hemm kemm fil-ħanut ta’ Mizzi kif ukoll dak li hemm biswit. Il-ħanut "For Her" ġarrab ħsarat estensivi kif ukoll ħafna mill-oġġetti għall-bejgħ spiċċaw mirdumin taħt it-tifrik u terrapien.

 

More in Kronaka