It-tfittxija għal mara li waqgħet fil-baħar fid-Dwejra
Kompliet l-operazzjoni mas-sebħ, imma t-temp qed ikompli jfixkel lill-membri tas-salvataġġ
More in Kronaka
Kompliet l-operazzjoni mas-sebħ, imma t-temp qed ikompli jfixkel lill-membri tas-salvataġġ
Kmieni dalgħodu kif beda jisbaħ kemm il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjon ta’ Għawdex kif ukoll suldati tal-Forzi Armati, komplew bit-tfittxija għal mara ta’ 27 sena ta’ nazzjonalitá Ċiniża li lbieraħ waranofsinhar inġibdet minn mewġ kbir fid-Dwejra.
Filwaqt li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili komplew bit-tfittxija minn fuq l-art, il-FAM tajjru ħelikopter Alouette fejn wettqu tfittxija mill-ajru mhux biss fl-inħawi tad-Dwejra iżda wkoll madwar il-kosta. Sar tentattiv biex it-tfittxija ssir ukoll minn fuq il-baħar permezz tal-lanċa tas-salvataġġ il-Melita, iżda l-kundizzjonijiet tal-baħar għadhom ħżiena ħafna u għalissa mhux possibli li l-lanċa tkompli bit-tfittxija.
Kelliem għall-Forzi Armati qal lil dan is-sit li l-Armata bagħtet l-għaddasa tagħha mit-taqsima tal-EOD li bħalissa qiegħdin fuq stand-by fuq il-post. Huwa qalilna li l-kundizzonijiet tal-baħar huma ħżiena ħafna u s-sitwazzjoni hija perikoluża ħafna biex dawn jinżlu jagħmlu tfittxija fil-baħar. L-għaddasa jinżlu jekk ikun hemm xi ħjiel li l-mara tinstab.
Sfortunatament s’issa t-tfittxijiet huma fin-negattiv u aktar ma jgħaddi ħin il-possibilitá li l-mara tinstab ħajja aktar isiru diffiċli. Dan mhux biss minħabba l-baħar qawwi, imma wkoll minħabba t-temperaturi baxxi.
Ilbieraħ fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienu tlieta l-barranin li spiċċaw f’baħar qawwi forza 7 li kkawża mewġ għoli fl-inħawi tad-Dwejra. It-tliet barranin kienu qrib xifer il-blat meta mewġ għoli kaxkarhom fil-baħar f’żewġ każi separati li seħħew għall-ħabta tas-2.00 p.m.
Waħda minnhom hija l-mara Ċiniża ta’ 27 sena li għadha ma nstabitx filwaqt li tnejn l-oħrajn kienu salvati f’operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati.
Il-mara li għadha ma nstabitx kienet fil-kumpanija ta’ ħabiba tagħha, Ċiniża ta’ 29 sena. Din ittellgħet mill-baħar u ttieħdet għall-kura fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li kienet qed issofri minn xokk qawwi.
Fl-istess ħin, imma f’parti oħra fid-Dwejra, Ungeriż ta' 37 sena wkoll spiċċa fil-baħar u kien salvat fil-ħin. Huwa ttieħed ukoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura.