(Aġġornat 2 FILMAT) Malti ferut gravi b’tiri ta’ arma tan-nar fil-Libja. Il-Prim Ministru jikkumenta dwar il-każ

Inġieb Malta matul illejl li għadda fejn qiegħed jingħata l-kura medika fl-Isptar Mater Dei. Huwa nstab ferut fl-appartament tiegħu

Aġġornament 2

F’kummenti li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat minn Pariġi dwar dan il-każ, huwa qal li l-Gvern Malti sar jaf li kien hemm Malti ferut gravi permezz ta’ telefonata tard l-Erbgħa filgħaxija minn membru tal-familja ta’ Matthew Dingli.

Joseph Muscat qal li minnufih il-Gvern Malti beda biex jara fejn jinsab Dingli fejn irriżulta li kien qed jingħata l-ewwel kura medika fi sptar partikolari. Huwa qal li saru kuntatti mal-awtoritajiet konċernati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikellem lill-ġurnalisti f'Pariġi.

“Dak il-ħin din il-persuna (Dingli) ma kellux dokumenti  tal-ivvjaġġar fuqu f’dak il-mument u dħalna aħna responsabbli biex jiċċaqlaq mill-post,” qal il-Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li f’dan il-mument ma jixtieqx jispekola dwar kif seħħ l-inċident għax hemm żewġ teoriji x’seta ġara u se jħalli lill-Pulizija u s-Servizz Sigriet ta' Malta jinvestigaw.

S’issa, qal Dr Muscat, li huwa ċar li kien hemm tir wieħed li l-balla daħlet min-naħa t’isfel tal-għonq u għadha f’rasu.

Il-Prim Ministru Muscat reġa’ tenna l-appell biex il-Maltin ma jmorrux il-Libja għax mhux post sigur.

Aġġornament 1

Minn aktar stħarriġ li għamilna jirriżulta li l-inċident seħħ tard ilbieraħ, l-Erbgħa 4 ta’ Marzu. Il-Malti, Matthew Dingli ta' 31 sena mill-Kappara, instab ferut x’aktarx fl-appartament tiegħu imma s’issa għadu mhux magħruf kif safa ferut jew jekk kiex hemm persuni oħrajn involuti. Dingli ttieħed fi sptar fi Tripli fejn beda jingħata l-kura għal ferita ta’ arma tan-nar f’rasu.

Hekk kif l-Awtoritajiet Libjani indintifikaw il-vittma, saru kuntatti mal-Awtoritajiet Maltin u f’inqas minn erba’ sigħat saru l-arranġamenti kollha meħtieġa biex il-Malti jinġieb lejn Malta.

L-ajruplan ambulanza Libjan, 5A-DRL Cessna, b’Dingli fuqu akkumpanjat minn tim mediku Libjan, ħalla l-ajruport militari ta’ Mitiga fil-Libja fis-1.52 ħin ta’ Malta u niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-2.34 a.m. fejn kien hemm ambulanza tistenna li ħaditu lejn l-Isptar Mater Dei. Siegħa wara l-istess ajruplan tar lura lejn il-Libja.

Huwa mifhum li Matthew Dingli twassal Malta fi stat ta’ koma kawża tal-ferita f’rasu. Nifhmu li bħalissa qed ikun operat biex titneħħilu l-balla minn rasu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, ukoll poġġa messaġġ fuq Twitter fejn għamel appell qawwi sabiex jiġu mħarsa l-Maltin kollha li hemm fil-Libja.

iktar qabel...

Fi stqarrija l-Gvern qal li raġel ta’ 31 sena safa ferut gravi u jinsab f’qagħda kritika wara inċident b’arma tan-nar fi Tripli. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma din l-aħbar permezz ta’ messeaġġ li poġġa fuq Twitter.

L-istqarrija tkompli tgħid li għadu mhux magħruf x’wassal għal dan il-każ. Il-Gvern Malti għadu mhux f'pożizzjoni li jivverifika l-fatti b’mod indipendenti u għadhom għaddejjin aktar aċċertamenti.

Minkejja l-avviż tal-Gvern Malti biex ħadd ma jmur il-Libja u dawk li hemm jiġu Malta, il-Malti kien Tripli fuq xogħol.

Kif il-Gvern Malti sar jaf bl-inċident, beda bil-kuntatti biex il-vittma jinġieb Malta għall-kura. L-Awtoritajiet kollha Libjani taw il-kollaborazzjoni sħiħa tagħhom biex tant li r-raġel inġieb Malta matul illejl li għadda permezz ta’ air ambulance fejn bħalissa qiegħed jingħata l-kura meħtieġa fl-Isptar Mater Dei.

L-istqarrija ttemm b’avviżi kontra kull forma ta’ safar lejn il-Libja għadhom fis-seħħ.

Aktar dettalji kif jidħlulna.

 

More in Kronaka