(FILMAT) TINSEWX il-massakru tal-kaċċatur fuq l-għasafar
Filmat li juri l-vera wiċċ tal-kaċċatur u l-massakru tal-għasafar
minn John Busuttil
Il-filmat xukkanti ta' 30 sekonda juri l-impatt tal-kaċċa fuq ir-Rebbiegħa fuq l-għasafar filwaqt li juri il-qtil sfaċċat u llegali ta' tajr protett f'dawn l-aħħar snin. Il-filmat juri wkoll inċidenti reali fejn il-kaċċaturi b'mod aggressiv jaħtfu l-kampanja Maltija f'idejhom, fejn jabbużaw u jattakkaw nies innoċenti.
Kelliem għall-kampanja, Mark Sultana qal, “Il-kaċċaturi qed jinħbew wara maskra bil-kampanja tal-‘iva’, imma dan il-filmat jikxef dik il-maskra. Juri l-impatt reali u xokkanti tal-kaċċa fir-rebbiegħa fil-kampanja, fuq l-għasafar u b’mod speċjali fuq kull min jazzarda jgawdi l-kampanja matul ir-rebbiegħa. Aħna ma nsejniex dawn l-inċidenti, u hu importanti li l-pubbliku ma jinsix dan meta jivvota fil-11 t’April.
SHout żvelaw ukoll l-ewwel poster tal-kampanja li juri l-atti ta’ vandaliżmu u l-qtil li jseħħ matul l-istaġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Mark Sultana qal “Il-poster tal-kampanja serva bħala tfakkira għalina lkoll tal-intolleranza, vandaliżmu u l-qtil li hu assoċjat mal-kaċċa fir-rebbiegħa u għala l-vot tal-‘le’ huwa daqshekk importanti fir-referendum.”
Il-kampanja wkoll ġabret rapport tal-iktar eżempji estremi ta’ vjolenza, vandaliżmu u qtil ta’ għasafar protetti matul l-aħħar għaxar snin. Ir-rapport juri erbatax-il inċident ta’ vjolenza sinifikanti fuq in-nies, sittax-il inċident ta’ vandaliżmu fuq is-siġar, riżervi naturali jew propjetà kif ukoll disa’ inċidenti serji ta’ theddid u abbużi kontra membri tal-pubbliku u voluntiera.
Mark Sultana qal, “Din il-wirja ta’ attitudni vjolenti, vandaliżmu u theddid hi tassew xokkanti u sservi biex tfakkar x’ċertu sezzjonijiet tal-komunità tal-kaċċaturi huma kapaċi jagħmlu. Filwaqt li r-rapport għandu l-aktar eżempji estremi, ma nistgħux ninsew li membri tal-pubbliku ġenerali ta’ spiss huma suġġetti għal abbuż verbali u intimidazzjoni waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.”
Il-filmat juri l-impatt ikrah tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq l-għasafar, waqt li juri li wħud mill-iktar inċidenti xokkanti tal-qtil illegali fis-snin riċenti. Kelliema tal-kampanja Moira Delia qalet, “Ma ninsewx il-kuċċard rari li sfaw fil-mira matul il-lejl waqt li kienu qed jistrieħu, użaw it-torċijiet biex ikunu jistgħu jisparaw fuqhom. Ma nistgħux ninsew il-fjammingi, iċ-ċikonji u l-kaċċatur bil-balaklava li nqabad jispara fuq l-għasafar fis-santwarju tal-għasafar Foresta 2000.
Dawn l-inċidenti huma biss il-ftit li jidher minn barra u juri li għandna nivvutaw ‘le’ biex b’hekk l-għasafar ikunu jistgħu jtiru fuq Malta bla periklu fi triqithom lejn l-Ewropa biex ibidu l-bajda u jiżdiedu fin-numru.”