Tkompli l-battalja bejn il-GWU u l-UĦM fil-freeport
Il-UĦM tgħid li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jagħżlu il-union tagħhom
More in Kronaka
Il-UĦM tgħid li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jagħżlu il-union tagħhom
“Sarfu d-dritt tagħkom li tagħżlu l-union tagħkom...ieqfu mill-mistħija u mill-biża”. Dan sostnih Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) f'laqgħa mqanqla li saret lil grupp ta' ħaddiema tal-Freeport barra mid-daħla tal-kumpanija f'Birżebbuġia. Il-laqgħa saret wara li l-UĦM kienet tat direttiva lill-ħaddiema biex jieqfu. Dalgħodu l-General Workers' Union (GWU) ordnat azzjoni ta' go slow, liema azzjoni kienet waħda illegali skont il-malta Freeport li qed anke jheddu li se jżommu lil GWU responsabbli għal kull danni li tista ssofri l-kumpanija.
Is-Segretarju Ġenerali stqarr li dak li qed jiġri fil-Freeport qed isir bi ksur tal-ftehim kollettiv. Josef Vella qal li l-union għandha bżonn l-appoġġ tal-ħaddiema biex il-ftehim kollettiv jingħalaq. Hu sostna li l-UĦM ma waqfitx milli tindirizza l-problemi u l-weġgħat tal-ħaddiema filwaqt li saħaq li, għall-kuntrarju ta' dak li qed jintqal, mhux veru li se jinqatgħu l-pagi tal- ħaddiema.
Josef Vella fisser kif hu kien ħa numru ta' deċiżjonijiet kruċjali u issa jmiss li l-ħaddiema jagħtu appoġġ sħiħ lill-union sabiex tkun tista' tirrapreżentahom. Hu ħeġġeġ għall-għaqda fost il- ħaddiema u biex imorru jivvotaw dwar liema union hi l-aħjar biex tirrapreżentahom. “Il-UĦM għandha dritt li jkollha l-kumitat tagħha, u dan id-dritt ħadd m'għandu joħodulha”, sostna Josef Vella.
Is-Segretarju Ġenerali qal li hu qatt ma hedded lil ħadd filwaqt li tenna li, jiġri x'jiġri mill- elezzjoni, hu se jkun qed jirrispetta r-riżultat. Hu qal li l-UĦM hi lesta li tagħti servizz mitqlu deheb lill-ħaddiema; anzi hi lesta li tiltaqa' mal-ħaddiema kullimkien, f'liema post li jridu. “Jekk ikollna l-appoġġ tagħkom inwiegħdkom li nindirizzaw ix-xewqat, il-bżonnijiet u l-weġgħat tagħkom”, temm jgħid Josef Vella.