(AĠĠORNAT 2) Traġedja oħra fid-Dwejra. L-awtopsja mistennija ssir nhar is-Sibt

Bugħaddasa Ingliża titlef ħajjitha. It-tielet għarqa din is-sena fi spazju ta’ ġimgħatejn.

Ritratt visitgozo.com
Ritratt visitgozo.com

Aġġornament

Il-kadavru Petrina Bridgette Matthews, l-Ingliża li tilfet ħajjitha lbieraħ meta kienet qed tgħoddos fid-Dwejra, jidher li se jibqa’ jinżamm fil-kamra mortwarja tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-inqas tlett ijiem oħra. Dan peress li l-awtopsja hija skedata li ssir nhar is-Sibt filgħodu meta suppost Petrina u żewġha Michael kellhom jirritornaw lura lejn l-Ingilterra.

Sorsi qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalu lil illum.com.mt li jekk l-awtopsja ssir kmieni s-Sibt filgħodu, allura jista’ jkun li l-kadavru ta’ Petrina jintbgħat is-Sibt stess lejn pajjiża. Min-naħa l-oħra jekk l-awtopsja tittardja, Michael Matthews probabbli jmur lura waħdu u l-btala ta’ tliet ġimgħat li kienu ppjanaw flimkien se jmur id-dar mingħajr martu.

Sadanittant il-Pulizija elevaw l-apparat kollu li kienet qed tuża Petrina Matthews biex ikunu eżaminati mill-esperti tal-Qorti.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Bernard Spiteri mill-Għassa ta’ Victoria.

iktar qabel...

Dalgħodu għall-ħabta ta’ 11.40 a.m., Petrina Matthews, Ingliża ta’ 61 sena tilfet ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffiklutajiet meta kienet qiegħda tgħodos fid-Dwejra, limiti ta’ San Lawrenz. Huwa mifhum l-mara kienet għal btala hawn Malta u x'aktarx li marret xi jiem Għawdex biex tipprattika d-delizju tagħha.

Huwa mifhum li kienu persuni qrib tagħha li ndunaw li l-mara kellha bżonn l-għajnuna u tellawha fuq il-blat fejn bidet tingħata l-ewwel għajnuna. Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll team mediku mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Kif waslu fuq il-post il-membri tal-Protezzjoni Ċivili komplew jagħtu n-nifs artifiċjali u messaġġi fuq qalb il-vittma fejn anke kompliet tassisti t-Tabiba Annamaria Abela.

Huwa mifhum li dan kollu seħħ quddiem għajnejn żewġha li kien fuq il-blat.

Sfortunatament l-intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-mara kienu inutli u l-Ingliża ġiet iċċertfikata mejta.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett li informaw lill-Maġistrat tal-Għassa Dr Joanne Vella Cuschieri li ordnat inkjesta ħatret diversi esperti tal-Qorti biex iħejju r-rapporti tagħhom dwar il-każ.

Il-kadavru tal-Ingliża ttieħed lejn il-kamra mortwarja tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn mistennija ssir l-awtopsja biex ikun determinat x’wassal għall-mewt tal-mara.

Din kienet it-tielet għarqa din is-sena u t-tielet waħda fi spazju ta’ ġimgħatejn. Fil-25 ta’ Frar għerqet mara ta’ 27 sena ta’ nazzjonalitá Ċiniża meta nħakmet minn mewġ kbir li ukoll fid-Dwejra. Il-kadavru tagħha baqa’ ma nstabx.

Tlett ijiem wara, fit-28 ta’ Frar tilef ħajtu Patrick Vella ta’ 36 sena miż-Żejtun meta kien qed jaħdem f’baċir fit-Tarzna ta’ Palumbo.

 

More in Kronaka