[AĠĠORNATA] Il-UĦM tordna waqfien mix-xogħol għall-ħaddiema tat-Trasport
Il-MPT tirrispondi għal dak li qalet il-UĦM - l-istrajk huwa illegali skont il-liġi
More in Kronaka
Il-MPT tirrispondi għal dak li qalet il-UĦM - l-istrajk huwa illegali skont il-liġi
Il-Ministeru tat-Trasport, fi stqarrija esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni tal-UĦM li ordnat lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport biex għada jipparteċipaw fi strajk tat-trasport pubbliku.
Il-Ministeru jfakkar li fil-ġranet li għaddew, il-Qorti ddeċidiet it-triq ‘il quddiem fir-rigward tar-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-kumpanija Malta Public Transport Services.
Sfortunatament, l-appelli tal-Gvern biex dan is-servizz essenzjali ma jingħatax aktar skossi, reġgħu ġew injorati għal darb’oħra.
L-istqarrija tkompli tgħid li azzjoni bħal din, filwaqt li bla dubju se tikkawża diffikultajiet fis-servizz tat-trasport pubbliku għal mijiet ta’ persuni li jiddependu minnu kuljum, hija bla ebda bażi u tifsser biss tfixkil żejjed u għalhekk qed jiġi mtenni l-appell biex din id-direttiva tiġi rtirata fl-ahjar interess ta’ kulħadd.
Iktar kmieni...
Malta Public Transport (MPT) ħarġet stqarrija b'reazzjoni għall-azzjonijiet industrijali li ordnat il-UĦM sabiex jitwaqqaf is-servizz tat-trasport pubbliku għada l-Ħamis bejn is-6 u 8 ta' filgħaxija.
Fl-istqarrija, il-MPT qalu li "strike bħal dan ...huwa meqjus illegali skont il-Liġi ta' Malta."
Din id-direttiva ingħatat mill-UĦM sabiex turi li għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema li jaħdmu mal-MPT.
"Il-kumpanija, għaldaqstant titlob lill-UĦM u l-membri tagħha sabiex jirrispettaw l-ordnijiet tal-Qorti u li jirtiraw u/jew iwaqqfu l-azzjonijiet industrijali proposti, jew kwalunkwe azzjoni oħra, li huma illegali," tkompli tgħid l-istqarrija.
Il-MPT kompliet issostni li twaqqif tas-servizzi tat-trasport finalment ikollhom effett negattiv ħafna fuq il-pubbliku ġenerali u r-reputazzjoni tal-kumpanija in ġenerali.
Iktar qabel...
Il-UĦM illum infurmat lill-Malta Public Transport (MPT) li nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu bejn is-6pm u t-8pm il-ħaddiema kollha ġewwa l-Malta Public Transport ser jieqfu mix-xogħol fuq direttiva tal-istess UĦM. Dan ifisser li t-trasport pubbliku se jkun wieqaf għada l-Ħamis bejn is-6 u t-8 ta' filgħaxija.
Dan minħabba l-fatt li minkejja li l-UĦM kellha deċiżjoni fit-Tribunal Industrijali li tikkonferma li kellu jsir il-proċess tal-verifika, sal-lum il-ħaddiema ġewwa l-Malta Public Transport għadhom ma jistgħux isarrfu d-dritt li jagħżlu l-Union li jixtiequ. Il-UĦM ilha xhur twal issostni u tressaq provi ċari li għandha l-maġġoranza ġewwa l-Malta Public Transport. Madankollu dejjem sabet xkiel sabiex isir l-proċess tal-verifika.
Intant fl-istess ħin li ġie ordnat it-twaqqif mix-xogħol tal-ħaddiema kollha tal-MPT, il-UĦM permezz tat-Taqsima Port u Trasport se torganizza laqgħa għall-istess ħaddiema.
Il-UĦM hi determinata biex twassal il-ħaddiema tal-Malta Public Transport sabiex jagħżlu l-Union tal-għażla tagħhom filwaqt li se taħdem id f’id mal-istess ħaddiema sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.