Kif irrapportajna lbieraħ fuq dan is-sit, il-Pulizija evitaw traġedja li kieku l-isplussiv li nstab f’maħżen qrib diskoteka kif ukoll taħt il-palk tat-Teatru Astra u qrib ħwienet, sploda.
Il-Pulizija sabu madwar kilo ta’ materjal splussiv f’garaxx tas-Soċjetá La Stella fi Triq Giuseppe Giardini fir-Rabat Għawdex viżin fost oħrajn ħanut tal-gugarelli. Il-materjal splussiv tneħħa mill-maħżen mit-Taqsima tal-EOD tal-FAM.
Dwar dan il-każ dalgħodu l-Ispetturi Frank Tabone u Bernard Spiteri resqu fil-Qorti ta’ Għawdex taħt arrest lil Emmanuel Buhagiar ta’ 34 sena u lil George Attard ta’ 37 sena u akkużawhom li daħlu f’Malta porvli jew splussiv ieħor u żammew fabbrika bil-porvli jew ta’ xogħlijiet tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Iż-żewġ Għawdxin mir-Rabat jinsabu akkużati wkoll li ħadmu n-nar f’post li ma kienx liċenzjat u ħażnuh f’post mingħajr liċenzja u li naqsu milli josservaw r-regoli għaż-żamma tal-isplussiv.
Buhagiar u Attard wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi u talbu biex jinħelsu mill-arrest. Il-Qorti laqat it-talba tal-akkużati taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 kull wiehed u garanzija personali ta' €5,000 kull wiehed.
Il-qorti ssospendiet ukoll il-licenzja li Buhagiar u Attard kellhom biex jaħdmu n-nar tal-festa.