[AĠĠORNATA] Olandiż milqut minn karozza. Isofri ġrieħi gravi

Kien mixi fuq il-bankina u ntlaqat wara ħabta bejn żewġ karozzi

Iż-żewġ karozzi nvoluti fl-inċident
Iż-żewġ karozzi nvoluti fl-inċident
Is-Suzuki li laqtet lill-Olandiż
Is-Suzuki li laqtet lill-Olandiż

Aġġornament

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-Olandiż ġie ċċertfikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Iktar kmieni...

Olandiż, li x’aktarx jinsab Malta fuq btala, kmieni dalgħodu kien fil-post ħażin fil-ħin ħażin b’konsegwenza li spiċċa jiddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li ntlaqat minn karozza li kienet involuta f’ħabta ma’ karozza oħra fl-Imsida.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-7.45 a.m. meta karozza Suzuki Baleno misjuqa minn raġel ta’ 37 sena mill-Gżira u karozza Peugeot 405 misjuqa minn mara ta’ 53 sena minn Tal-Pietá ħabtu f’salib it-toroq.

Il-Peugoet kienet qed tinsaq fi Triq Bordin filwaqt li s-Suzuki kienet fi Triq Qrejten. Mad-daqqa s-Suzuki baqgħet sejra għal fuq il-bankina fejn dak il-ħin kien hemm l-Olandiż. Wara li laqtet lill-Olandiż il-karozza baqgħet dieħla fil-kantuniera fejn hemm id-Dukes’ Bar.

Fuq il-post marret ambulanza b’infermiera li ħadet lill-Olandiż l-Isptar Mater Dei fejn bħalissa għadu qed jingħata l-kura meħtieġa.

Kelliem għall-Pulizija qalilna li l-kundizzjoni tat-turist għadha mhix magħrufa. Iż-żewġ sewwieqa ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett ħejjew rapport tal-inċident.

More in Kronaka