[AĠĠORNATA] 19-il persuna tinqatel f'attakk fit-Tuneżija

Bosta midrubin f'dak li kien deskritt bħala "attakk terroristiku fuq il-Mużew Bardo"

L-isparar sar viċin il-Parlament tat-Tuneżija
L-isparar sar viċin il-Parlament tat-Tuneżija

Dsatax-il persuna, 17 minnhom turisti barranin inqatlu wara li nies armati daħlu f'mużew f'Tuneż. Il-Prim Ministru tat-Tuneżija, Habib Essid qal li fost il-maqtula kien hemm taljani, spanjoli u ġermaniżi. Tnejn mill-attakkanti, kif ukoll uffiċjal tal-pulizija inqatlu wara operazzjoni ta' sigurtà li segwiet dan l-attakk.

Dan il-mużew jinstab viċin il-parlament fiċ-ċentru ta' Tunis, l-istess parlament li fl-istess waqt kienu għaddejjin diskussjonijiet għal leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu. Il-parlament issa ġie evakwat.

Il-kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Interni, Mohamed Ali Aroui qal li "kien hemm attakk terroristiku fuq il-Mużew Bardo", filwaqt li qal li fl-attakk "kien hemm tnejn jew aktar terroristi armati bil-Kalashnikovs". Aroui qal li l-forzi tas-sigurtà daħlu fil-mużew, li minnu qed jiġu evakwati bosta turisti, iżda għad hemm uħud għadhom ġewwa. Dan il-mużew huwa attrazzjoni kbira mat-turisti li jżuru Tuneż, hekk kif huwa magħruf għall-antikitajiet li fih. 

 

 

More in Kronaka