Aġġornament
Membru tal-Korp tal-Pulizija, Anthony Dimech ta’ 26 sena mill-Imġarr, għal xi ħin kien fil-periklu tal-mewt kawża ta’ ġrieħi gravi li sofra f’inċident tat-traffiku li fih kien hemm involuti tliet karozzi.
L-inċident seħħ is-Sibt għall-ħabta tad-9.12 p.m. fi Triq tal-Barrani ftit ’l isfel mir-roundabout ta’ Santa Luċija. Sorsi li tkellmu ma’ illum.com.mt qalulna li Dimech kien qed isuq karozza Opel fid-direzzjoni taż-Żejtun meta fuq in-naħa l-oħra tat-triq kienu ġejjin żewġ karozzi oħrajn, Toyota Vitz li fiha kien hemm żewġ barranin u Honda Prelude.
Kien hawn li t-Toyota, misjuqa minn Al Taroug Salahiddan Mohammed ta' 45 sena residenti Paceville u li miegħu kellu lil Barbara Rawia ta' 28 sena residenti, u l-Honda, misjuqa minn Karol Grech ta’ 23 sena, li miegħu kellu lil Maria Bianco ta’ 21 sena t-tnejn minn Ħaż-Żabbar, ħabtu f’xulxin.
Mad-daqqa l-Honda Prelude qabżet is-centre strip minn fejn kien ġej mid-direzzjoni opposta Dimech biż-żewġ karozzi jaħbtu head-on. Mad-daqqa l-karozza li kien fiha l-Pulizija daret u baqgħet dieħla f’siġra.
Peress li l-Maltin inqabdu fit-tifrik, fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lil dawk feruti biex jinħarġu mill-karozzi tagħhom.
Fuq il-post tal-inċident intbgħatu tliet ambulanzi bl-infermieri kif ukoll mar it-Tabib Jonathan Joslin. Il-ħames persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn mill-ewwel bdew jingħataw il-kura medika.
L-agħar li mar kien Anthony Dimech li oriġinarjament ma kellu xejn x’jaqsam mal-inċident u sab karozza oħra tibqa’ dieħla fih. Huwa qiegħed isofri minn ġrieħi gravi fosthom fil-pelvis, fil-pulmun, dahru u f’riġlejh. Aktar tard il-Pulizija qalu li Dimech jinsab f'qagħda stabbli u m'għadux fil-priklu tal-mewt.
Min-naħa l-oħra Grech sofra ksur f’idejh filwaqt li Bianco wkoll sofriet xi ġrieħi. Il-mara barranija kellha wkoll ħtieġa ta’ għajnuna medika filwaqt li r-raġel barrani rrifjuta l-għajnuna tat-tobba.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa, Dr Claire Stafrace Zammit, li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti tal-Qorti fosthom lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg.
Għal xi ħin it-triq minn Santa Lucija sa Ħal Tarxien ingħalqet għat-traffiku. Il-Pulizija tad-Distrett qed jinvestigaw dan l-inċident.