Passiġġier iħossu ħażin qabel titjira tal-Easyjet

. . .  Ambulanza b’tim mediku tasal l-ajruport wara 35 minuta 

Pazjent li kien fuq it-titjira tal-linja tal-ajru easyJet kellu jistenna aktar minn nofs siegħa sakemm waslet l-għajnuna medika mill-Isptar Mater Dei. Kienu diversi turisti u Maltin li lmentaw minn dan id-dewmien esaġerat meta wieħed iqis id-distanzi qosra ta’ pajjiżna.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn, 16 ta’ Marzu fuq it-titjiera EZY8824 mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) lejn dak ta’ Gatwick f’Londra. Persuna li kienet fuq l-istess titjiera rrakkontatilna li kollox kien lest biex jibdew il-vjaġġ lejn l-Ingilterra għall-ħabta ta’ 12.25 p.m.

“Il-passiġġieri kienu kollha f’posthom, ingħalqu l-bibien u l-membri tal-ekwipaġġ bdew bil-proċedura tal-istruzzjonijiet tas-sigurtá. Hekk kif l-ajruplan kien se jiċċaqlaq, wieħed mill-passiġġieri għafas il-buttuna biex isejjaħ għall-assistenza”, qalilna s-sors.

Meta waħda mill-assistenti tal-kabina marret tara x’għandu ġie nnutat li l-passiġġier kien qed jintilef minn sensieħ u għalhekk infurmat immedjatament lill-kaptan tal-ajruplan li minn naħa tiegħu waqqaf it-tluq u talab it-Torri tal-Kontroll biex jibgħatu l-assistenza medika immedjatament.

Sorsi qrib l-MIA qalulna li f’inqas minn minuta wara li saret it-talba mit-Torri tal-Kontroll, intalbet l-għajnuna medika mill-Isptar Mater Dei, iżda l-ambulanza b’tim mediku waslet fl-ajruport 35 minuta wara.

Sakemm waslet l-għajnuna mill-isptar, il-membri tal-ekwipaġġ bdew jagħtu l-ewwel għajnuna lill-passiġġier, fosthom billi tpoġġiet il-maskla tal-ossiġinu ma’ ħalqu biex ikun jista’ jieħu n-nifs aħjar.

Minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta rriżulta li r-raġuni li l-ambulanza b’tim mediku damu daqshekk biex waslu minn Mater Dei sal-MIA, hija minħabba li meta daħlet is-sejħa ma kienx hemm infermieri fl-Emerġenza biex joħorġu mal-ambulanza.

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

 

More in Kronaka