[Aġġornat] Pulizija ieħor involut f'inċident bejn mutur u karozza f’Għajnsielem

Għal xi ħin ukoll kien fil-periklu tal-mewt. L-inkjesta ma saritx

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Aġġornament

Peress li Jospeh Tonna qaleb għall-aħjar, l-inkjesta li kienet se ssir dwar dan l-inċident fil-fatt ma saritx.

iktar kmieni...

F’inqas minn 12-il siegħa membru ieħor tal-Korp tal-Pulizija għal xi ħin kien fil-periklu tal-mewt kawża ta’ inċident tat-traffiku.

Dalgħodu għall-ħabta tat-8.00 a.m. seħħ inċident ieħor tat-traffiku f’Għajnsielem fejn sewwieq ta’ mutur, membru tal-Korp tal-Pulizija, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu għalkemm aktar tard qaleb għall-aħjar.

L-inċident seħħ fi Triq l-Imġarr bejn karozza Ford Fiesta misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena mix-Xagħra u mutur Yamaha misjuq minn Joseph Tonna ta’ 57 sena minn Birkirkara, li huwa membru tal-Korp tal-Pulizija, li miegħu kellu passiġġier, ġuvni ta’ 25 sena minn Birkirkara wkoll.

Għalkemm fi stqarrija l-Pulizija qalet li kemm il-mutur kif ukoll il-karozza kienu sejrin fid-direzzjoni tal-Port tal-Imġarr,  sorsi li tkellmu ma’ illum.com.mt tawna verżjoni differenti.

Dawn is-sorsi qalulna li Tonna kien għadu kif wasal Għawdex flimkien ma’ ibnu bil-mutur fejn illum f’Għawdex ġew organizzati diversi attivitajiet. Qed ikun allegat li kif Tonna kien tiela’ lejn Għajnsielem sab ma’ wiċċu l-karozza Fiesta misjuqa miż-żagħżugħ Għawdxi fejn is-sorsi allegaw li dan deher jaqbeż xi karozzi b’konsegwenza li sab ma’ wiċċu l-mutur. Jidher li Tonna pprova jevita’ l-ħabta imma sfortunatament il-ħabta seħħet xorta waħda.

Fuq il-post tal-inżident marret ambulanza b’tim mediku li ħadet lis-sewwieq tal-mutur u l-passiġġier li kienu miegħu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn ingħataw il-kura medika fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Għall-ewwel is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt, iżda aktar tard il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar. Il-passiġġier sofra ġrieħi ħfief filwaqt li ż-żagħżugħ Għawdxi ma ġralu xejn.  

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta Maġisterjal filwaqt li l-Pulizija ta’ Għawdex immexxijin mill-Ispettur Bernard Spiteri flimkien mas-Surġent Shaun Tabone qegħdin jinvestigaw.

More in Kronaka