(Aġġornat) Ħaddiem fil-periklu tal-mewt

Tgħaffeġ taħt 20 folja ta' ħġieġ kbir

Aġġornament

Minn aktar stħarriġ li għamel dan is-sit elettroniku jirriżulta li Lapira kien għarkoptejh ineħħi t-tliet aljetti li kienu mad-dawra tal-kaxxa tal-injam meta l-madwar 20 folja ta’ ħġieġ, ta’ qisien differenti u ħxuna ta’ bejn 15mm u 20mm, iċċaqalqu b’konsegwenza li waqgħu fuq Marsiano Lapira.

Huwa mifhum li ħġieġ ikun ippakjat fil-kaxxi f’angolu ta’ madwar ħames gradi biex meta jkun qed jiġi traportat ma jinkisirx. Jidher li meta l-kaxxa kienet fil-maħżen u Lapira kien qed ineħħi l-aljetti seħħ l-inċident.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Consuelo Scerri Herrera ġiet informata u ordnat inkjesta. Il-Prokuratur Legali Mario Buttigieg u t-Tabib Forensiku Mario Scerri nħatru bħala esperti tal-Qorti. Fuq il-post tal-inċident marru wkoll l-uffiċjali mill-Awtoritá tas-Saħħa u s-Sigurtá fuq il-Post tax-Xogħol.

iktar kmieni....

Ħaddiem ġie ċċertfikat li jinsab fil-periklu tal-mewt meta aktar kmieni llum sofra ġrieħi gravi meta waqgħu fuqu ħġieġ li kienu għadhom kif inħattu b’fork lifter.

Marsiano Lapira ta’ 33 sena mill-Belt kien qiegħed fuq il-lant tax-xogħol f’fabbrika li tinsab fi sqaq fi Triq Valletta fil-Marsa. Għall-ħabta tat-3.00 p.m. kif kien qrib kaxxa li kienet ippakkjata bi ħġieġ kbir għelbet għal fuqu.

Dettalji ta’ kif seħħ l-inċident jew min tah l-ewwel għajnuna, s’issa għadna ma nafux. Fuq il-post marret ambulanza b’tim mediku li ħadu lil Lapira l-Isptar Mater Dei fejn mill-ewwel eżmijiet mediċi rriżulta li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjal. Il-Pulizija tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Hubert Cini, qed jinvestigaw l-inċident.

 

More in Kronaka