Għalkemm ma ħareġ l-ebda appell biex kull min għandu xi informazzjoni fejn jistgħu jinstabu żewġ paguni li lbieraħ ħarbu mill-Ġonna ta’ San Anton biex jinforma lill-Awtoritajiet konċernati, nifhmu li għadha għaddejja tfittxija għal dawn it-tjur.
Ilbieraħ għall-ħabta tas-7.30 p.m. il-Pulizija ġew informati li fi Triq il-Kbira f’Ħal Balzan kien hemm tliet paguni fuq xi bjut. L-ewwel ma marru fuq il-post kienu l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ Birkirkara li min-naħa tagħhom talbu l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u dak tal-Ħarsien tal-Annimali. Magħhom ingħaqdu wkoll il-Pulizija mill-Iskwadra tal-ALE.
Il-Pulizija bdew iħabbtu l-bibien tar-residenti biex ikollhom aċċess għal fuq il-bjut, imma jidher li wħud minn dawn ir-residenti ma kienux id-dar. Fl-aħħar sabu min jiftiħielhom u anke ntuża t-tower ladder ta’ waħda mill-inġenji tal-Protezzjoni Ċivili.
F’ħdima kordinata u bi ftit ta’ tbatija, irnexxielhom jaqbdu wieħed mill-paguni, iżda t-tnejn l-oħrajn baqgħu ma nstabux u ntilfu fid-dlam.
Dalgħodu tkompliet it-tfittxija għal dawn iż-żewġ paguni.
“Ifhem…… il-Milied fadallu daqsxejn għax kieku ngħidlek li fil-forn jispiċċaw dawn”, qalilna resident b’mod sarkastiku.