Filmati esklussivi tas-serqa mill-Casino di Venezia fl-2010

Filmati esklussivi tas-serqa bil-ħallelin jidħlu armati u mgħammda

Il-ħallelin qed jaħarbu wara li wettqu s-serqa
Il-ħallelin qed jaħarbu wara li wettqu s-serqa
Filmat esklussiv tal-hold-up fil-Casino di Venezia

Nhar il-Ħadd li għadda fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM, żvelajna ritratti u dettalji li qatt ma ġew ippubblikati qabel tal-hold-up li seħħ fit-3 ta’ Frar 2010 fil-Casino di Venezia. Illum qed niżvelaw il-filmat kollu tas-serqa, mill-ħin li waslu l-ħallelin sakemm waslu l-Pulizija ftit tal-ħin wara li l-kriminali ħarbu minn fuq il-post.

Is-serqa damet tliet minuti u 13-il sekonda fejn erba’ ħallelin daħlu fil-Casino armati b’armi tan-nar filwaqt li kompliċi ieħor kien qed jistenna f’karozza Pajero u mhux eskluż li kien hemm ieħor ħdejn id-daħla li tagħti għall-Waterfront tal-Birgu. Fuq in-naħa ta’ Sant’Anġlu kien hemm speedboat tistenna li wkoll seta’ kien hemm xi ħadd jistenna.

Illum il-bini fejn kien jospita l-Casino di Venezia fil-Waterfront tal-Birgu jinsab magħluq.

Dan il-‘hold-up’ seħħ l-Erbgħa, 3 ta’ Frar 2010 bejn is-7.34 p.m. u s-7.37 p.m. meta fil-Casino kien hemm madwar 20 klijent. Il-ħallelin marru fuq il-post b’karozza Pajero bajda, li mhux qed ikun eskluż li wara li l-ħallelin serqu l-karozza dawn bidlulha l-kulur.  

Kronoloġija kif seħħ il-hold-up

Minn dawn il-filmati jirriżulta li s-serqa damet tliet minuti u 13-il sekonda.

7.34.28 p.m. – Tieqaf vettura Pajero quddiem l-entratura tal-Casino.

7.34.46 p.m. ­– Jidħlu fil-Casino erba’ ħallelin armati b’pistoli u senter. Jidhru li kienu libsin boiler suits u wiċċhom mgħammad. Wieħed minnhom jidher iġorr basket kbir aħmar. Tlieta mill-ħallelin telgħu fl-ewwel sular fejn hemm is-sala tal-logħob u s-slot machines filwaqt li r-raba’ wieħed baqa’ isfel għassa mar-receptionist u impjegat li jidher jheddihom b’senter.

Dawk li telgħu fuq imbuttaw l-uffiċjal tal-Gaming Authority u poġġewh wiċċu lejn is-slot machines.

7.35.22 p.m. ­– Wieħed mill-ħallelin jaqbeż minn fuq il-bank tal-kaxxiera u jordna lill-kaxxier biex inewwel il-flus kollha li kien hemm fis-safe li għal xi raġuni s-safe kien miftuħ. Biex ipoġġi l-flus fil-basket, il-ħalliel poġġa l-arma fuq il-bank u hawn tidher id il-kaxxier jew membru tas-sigurtá jgħaddi l-flus lill-ħalliel.

7.36.19 p.m. ­– Wieħed mill-kriminali li kien fuq maż-zewġ kompliċi tiegħu, ħareġ fil-kuridur li jagħti għat-taraġ biex jara jekk kienx hemm xi ħadd.

7.36.24 p.m. ­– Impjegat, x’aktarx ukoll membru tas-sigurtá tal-Casino, tfaċċa fir-reception area. Kif il-ħalliel li kien għassa isfel ħdejn il-bieb induna bih, ordnalu jinżel fl-art, resaq lejh u filwaqt li kompla jipponta s-senter lejh, ħadlu radju li jintuża bejn il-membrit as-sigurta’ minn idejh.

7.36.46 p.m. ­– Il-Pajero tidher għadha wieqfa quddiem il-Casino bis-sewwieq jistenna lil sħabu bil-bieba miftuħa kemm fejn kien hu u dik ta’ wara għal-lest. Dan il-kompliċi jidher li kien liebes xi tip ta’ track suit bi kliem b’ittri kbar miktubin fuq quddiem u kellu wiċċu mgħammad ħlief għal għajnejh.

7.36.55 p.m. ­– Il-ħalliel li kien wara l-bank tal-kaxxiera jidher jaqbeż lura.

7.37.05 p.m. ­– It-tliet ħallelin ħarġu mis-sala tal-logħob u niżlu isfel bil-ġiri.

7.37.27 p.m. ­– L-erba’ kriminali ħarġu mill-bini tal-Casino u daħlu fil-vettura min-naħa ta’ wara.

7.34.41 p.m. ­– Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post b’veloċitá eċċessiva fid-direzzjoni ta’ Sant Anġlu.

7.39.21 p.m. ­– Jaslu l-ewwel Pulizija li jidher li huma dawk tad-Distrett.

B’hekk fi spazju ta’ tliet minuti u 13-il sekonda l-ħallelin waslu, daħlu fil-Casino, wettqu s-serqa u ħarbu minn fuq il-post.

Minbarra flus kontanti u ċekkijiet, insterqu wkoll arloġġ u ġiżi­rana tad-deheb li l-valur tagħhom mhux magħ­ruf. Is-serqa damet biss ftit minuti fejn il-ħallelin irnexxielhom iwettqu serqa ta’ aktar minn €380,000, għalkemm din is-somma qatt ma ġietx ikkon­fer­mata mill-kumpanija Casino di Venezia.

Hemm min sallum jemmen li l-ħallelin kellhom lil xi ħadd minn ġewwa fejn qatt ma ntqal għaliex is-safe tħalla miftuħ meta kien hemm ammonti kbar ta’ flus u oġġetti oħrajn ta’ valur fih.

Ħarba ppjanata

Bi pjan maħsub sew minn qabel, il-ħallelin minflok reġ­għu ħarġu lejn Xatt ir-Risq u saqu lejn Bormla, jew Ħaż-Żabbar jew l-Isla, saqu b’veloċitá eċċessiva lejn Sant Anġlu fejn kien hemm speedboat bajda tisten­na b’kompliċi fiha. Iżda qabel ħarbu bl-ispeedboat, il-ħallelin tefgħu il-karozza fil-baħar.

La din l-ispeedboat u lanqas il-ħallelin qatt ma nstabu fejn kien hemm min qal li mill-Birgu dawn setgħu baqgħu sejrin lejn Sqallija jew iltaqgħu ma’ xi opra tal-baħar ’il barra mill-port. Iżda sorsi li tkellmu ma’ ILLUM qalulna li l-probabbilitá hija li mill-Birgu baqgħu sejrin lejn il-Marsa fejn trakkaw fil-post magħruf bħala ħdejn it-tined tal-patata fejn seta’ kien hemm xi vettura oħra tistennihom.

Kif ingħata l-allarm marru fuq il-post il-Pulizija mill-Iskwadra tal-Mobile kif ukoll tad-Distrett. Peress l-ħallelin ħarbu minn fuq il-baħar il-Pulizija għamlu patrol mal-kosta kollha ta’ Malta b’mod partikolari madwar il-Port il-Kbir. Tfittxija oħra saret mill-ajru permezz tal-ħelikopter Alouette tal-FAM li għamel tfittxija bil-kamera infra-red filwaqt li saret ukoll tfittxija minn fuq il-baħar mil-Iskwadra Marittima tal-FAM permezz tal-lanċa Melita.

Fuq il-post tal-‘hold-up’ marru diversi uffiċjali tal-Pulizija fosthom l-eks-Deputat Kum­missarju Joe Cachia li llum huwa l-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija, l-As­sistent Kummissarju Pier­re Calleja li llum huwa Deputat Kummissarju u l-Ispetturi Joe Mercieca, Keith Arnaud, Anthony Agius mid-DIK u l-eks-spettur Jesmond Borg flimkien mas-Surġent James Gauci mill-Għassa ta’ Bormla.

B’dan il-‘hold-up’ spettakolari ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Silvio Meli, illum Imħallef, li min-naħa tiegħu ordna inkjesta u ħatar diversi esperti tal-Qorti flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Qatt ma kkonfermaw l-ammont misruq

Id-diretturi tal-Casino di Venezia qatt ma qalu pubblikament kemm kienu nsterqu flus waqt il-‘hold-up’ tant li kulma qalu kienu li l-ammont kien ta’ aktar minn €100,00.

Sorsi qrib l-istess Casino kienu qaluli li l-ħallelin kienu serqu aktar minn €380,000, ammont li qatt ma ġie miċħud.

Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-karozza Mitsubishi Pajero li wżaw il-ħallelin kienet irrapportata misruqa lejn l-aħħar ta’ Jannar 2010.

Kif ħarġu mill-bini tal-Casino di Venezia, il-kriminali dehru jidħlu fil-Pajero fejn kien hemm kompliċi jistenna li x’aktarx ukoll kien armat. Għalkemm il-Pulizija ma setgħux jikkonfermaw, mhux eskluż li fid-daħla li tagħti għal fejn illum hem mil-Vittoriosa Waterfront seta’ kien hemm kompliċi ieħor għassa għall-Pulizija.

Għalkemm il-Pulizija kienu ġabru xi persuni b’konnessjoni ma’ dan il-hold-up, li huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar hold-ups f’pajjiżna, għalkemm kien hemm oħrajn akbar, s’issa dan il-każ għadu mhux solvut.

Prominenza fl-aħbarijiet fl-Italja

Dan il-‘hold-up’ ingħata prominenza wkoll mill-midja Taljana li skont it-TG5 s-somma ta’ flus li nsterqet f’dan il-hold-up kienet ta’ €500,000. Il-midja Taljana saħansitra qalet li l-grupp ta’ ħallelin kien magħmul minn kriminali Taljani, Torok u Alġerini, iżda sorsi ikkonfermawli li xi ħadd mill-ħallelin instema’ jitkellem bil-Malti u jemmnu li dawn kienu Maltin fosthom uħud li huma magħrufin mal-Pulizija.

Aggredit fotografu ta’ Times of Malta

Id-diretturi tal-Casino di Venezia ma tantx ħadu gost bil-preżenza tal-midja lokali. Fil-fatt hekk kif fuq il-post wasal il-fotografu tal-ġurnal The Times of Malta biex jaqdi d-dmirijietu, safa aggredit mill-kap tas-sigurtà tal-Casino di Venezia u impjegati oħrajn.

Il-fotografu kien sofra diversi ġrieħi.

 

 

More in Kronaka