Patri Charles Fenech għadu għaddej bħala editur tar-rivista Dumnikana
Patri Charles Fenech b’eloġju fuq Pawl Cremona
More in Kronaka
Patri Charles Fenech b’eloġju fuq Pawl Cremona
Patri Charles Fenech, il-patri Dumnikan li jinsab mixli li abbuża sesswalment minn pazjenta, għadu għaddej bil-ħidma tiegħu bħala Editur tar-rivista Xandar il-Kelma. Fenech, li kien waqqaf il-moviment Kerygma, qed ikun akkużat fuq abbuż sesswali minn pazjenta b’mard mentali u li żammha kontra r-riedha tagħha u li wettaq atti ndiċenti fil-pubbliku.
Din il-gazzetta għandha kopja tar-rivista li turi biċ-car li Patri Fenech għadu għaddej bil-ħidma tiegħu li fost oħrajn tinkludi il-bejgħ u ġbir ta’ reklami kif ukoll ir-responsabbiltà għall-kontent tar-rivista.
Fil-fatt, fil-kitba tiegħu tal-editorjal, Parti Fenech jilqa lura lill-Arċisqof Emeritu Pawl Cremona li issa rritorna lura lejn il-ħajja konventwali u qed jgħix ma’ sħabu l-partijiet dumnikani fil-kunvent tar-Rabat.
Sorsi li tkellmu ma din il-gazzetta qalu li dan l-editorjal, aktar minn xejn meqjus bħala eloġju fuq Pawl Cremona, kif ukoll ir-ritratt tiegħu fuq il-faċċata, jkomplu juru r-rabta mill-qrib li kien hemm bejn l-Arċisqof Cremona u Patri Fenech.
Is-sorsi fakkru fuq l-akkużi li kien hemm fejn kien intqal li l-Arċisqof Cremona kien ipprova jixtri s-silenzju ta’ mara li allegatament kienet abbużata minn Parti Fenech, liema akkużi kienu dejjem miċħuda kategorikament minn naħa ta’ Pawl Cremona.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta nnutaw kemm jistona l-fatt li fl-istess rivista, Patri Fenech għażel li jikteb biss sentenza waħda dwar il-ħatra tal-Isqof Charles Scicluna bħala l-Arċisqof suċċessur ta’ Pawl Cremona. F’dan il-każ, Patri Fenech kiteb biss “Aħna nawgurawlu u nitolbu għalih”.
Lura f’Novembru li għadda l-Isqof Scicluna kien esprima xokk u rabja waqt il-programm Xarabank għall-fatt li sar jaf mill-midja dwar il-proċeduri kriminali quddiem il-qrati, u dwar il-fatt li l-Patri Fenech ma deherx il-qorti għal tliet darbiet. Scicluna kien saħaq li d-dewmien fl-investigazzjoni huwa inaċċettabli.
Intant, fl-istess rivista jispikka wkoll messaġġ mill-Provinċjal, Patri Frans Micallef li jgħid li meta sar jaf li Pawl Cremona se jmur lura fil-ħajja konventwali qallu “Welcome back to the fun!”.
Għalkemm Patri Fenech tneħħa minn direttur tal-moviment Kerygma u mwaqqaf milli jamministra s-sagrament u jxandar fuq Radju Marija, ir-rivista ta’ Marzu ta’ Xandar il-Kelma turi li hu għadu attiv sew fil-kommunita li jifforma parti minnha. Hu mifhum li għalkemm Parti Fenech mhuwiex residenti fil-kunvent tad-Dumnikani hu qed joqgħod f’dar li tinsab faċċata tal-kunvent fir-Rabat stess.