Nirien jikkawżaw ħsarat estensivi fil-gabbana ta’ Raħal Ġdid
L-intervent tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili kien immedjat
More in Kronaka
L-intervent tal-Pulizija u tal-Protezzjoni Ċivili kien immedjat
Il-gabbana li hemm fil-pjazza ewlenija ta’ Raħal Ġdid, li ilha topera snin twal, ġarbet ħsarat estensivi meta żviluppaw nirien kmieni dalgħodu. Kien l-intervent f’waqtu kemm mill-Pulizija mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid kif ukoll tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili li n-nirien ma komplewx jifirxu aktar.
Dalgħodu, għall-ħabta tas-5.40 a.m. il-Pulizija li kienu fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid semgħu alarm idoqq u kif ħarġu mill-Għassa rriżultalhom li l-ħoss kien ġej mill-pjazza. Kif marru jinvestigaw innuttaw li mill-gabbana ‘Paramount Kiosk’, li hemm fil-Pjazza Antoine de Paule, kien ħiereġ id-duħħan.
Immexxijin mis-Surġent Raymond Ambrogio, ħadu l-fire extinguisher biex jibdew jikkontrollaw in-nirien. Minħabba li dak il-ħin ma kien hemm ħadd u għaldaqstant il-gabbana kienet għadha magħluqa, il-Pulizija talbu l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili li waslu fuq il-post fi ftit minuti mill-istazzjon ta’ Kordin immexxijin mill-ufficjal Raymond Attard. Marru wkoll il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit immexxijn mis-Surġent Kenneth Brignano li assistew lill-kollegi tagħhom.
In-nirien ġew ikkontrollati fi ftit minuti iżda sfortunatament l-istess nar leħaq ikkawża ħsarat estensivi tant li jidher li se tinżamm magħluqa għal xi perjodu.
Ftit tal-ħin wara wasal fuq il-post Oliver Compagno, li jieġu ħsieb il-gabbana li fetah il-post biex il-membri tal-Portezzjoni Ċivili setgħu ikomplu jikkontrollaw il-ftit nar li kien għadu hemm.
Mill-ewwel stħarriġ jidher li n-nar beda minn short circuit minn microwave u fridge. Fuq il-post mar ukoll Domenic Galea, wieħed mis-sidien li deher li kellu xokk kbir fuqu.
L-istħarriġ tal-Pulizija għadu għaddej.
‘Paramount Kiosk' hija simbolu ma' Raħal Ġdid. Ħafna snin ilu kienet l-unika post f'Malta li kellha 'juke box' bil-video tal-kanzunetta tant li kienet attrazzjoni speċjali u kienet tiġbed ħafna nies lejn il-pjazza.