Ċilindri tal-gass miżbugħin griżi illegalment

Prattiċi li huma illegali u irresponsabbli – Liquigas

Prattiċi li huma illegali u irresponsabbli – Liquigas
Prattiċi li huma illegali u irresponsabbli – Liquigas

Is-saħħa u s-sigurta’ tal-konsumaturi li jixtru l-gass f’Malta qed jitqegħdu f’ periklu minħabba li kumpannija tal-gass qegħda, b’mod abbużiv u illegali, tiżbogħ iċ-ċilindri ħodor u sofor ta’ Liquigas bil-kulur griż. L-istess kumpannija, wara li tiżbogħhom, qed tpoġġihom fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi. 

Minħabba l-aġir irresponsabbli ta’ bdil ta’ kuluri u mili taċ-ċilindri minn terzi persuni, Liquigas qed titpoġġa f’pożizzjoni fejn mhux aktar possibbli għaliha li tkompli terfa’ responsabbiltà għaċ-ċilindri kif inhu meħtieġ skont id-direttiva Transportable Pressure Equipment Directive (TPED) għas-sigurtà tal-konsumaturi.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Liquigas Malta Limited ma kien fadlilha l-ebda alternattiva ħlief li tressaq każ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex tikkundanna lill-kumpannija Easygas Malta Ltd għall-ksur ta’ drittijiet ta’ propjetà fil-konfront ta’ Liquigas, u oltre talbiet oħra, biex issib lill-Easygas responsabbli għad-danni.

“Fuq naħa, għandna sitwazzjoni fejn iċ-ċilindri ħodor u sofor tagħna qed ikunu miżbugħin griżi, b’riżultat li Liquigas qed issibha diffiċli biex timmaniġja l-istokk tagħha ħalli tiżgura li jkun tal-istandard meħtieġ għall-benefiċċju tal-konsumatur. Mill-banda l-oħra, Liquigas hi obbligata li tassumi għadd ta’ responsabbiltajiet imposti fuqha biex tiżgura li dawn iċ-ċilindri jibqgħu sikuri,” spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Liquigas Roberto Capelluto. “Hawnhekk qed niffaċċjaw prattiċi li huma illegali u irresponsabbli. Dawn qed iwasslu għal sitwazzjoni assurda li wieħed ma jistenniex li jsib f’suq li suppost jopera skont il-liġi.”

Capelluto żied li l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) kienet ħarġet cease and desist order kontra Easygas sabiex twaqqaf dan l-aġir illegali u trodd lura ċ-ċilindri lil-Liquigas. Madankollu, din l-order kienet injorata minn Easygas.

Dan l-aġir partikolari minn Easygas mhux xi każ iżolat. Kien hemm numru ta’ inċidenti fejn Easygas aġixxiet b’mod illegali, u Liquigas ma kellha ebda triq oħra ħlief li tipproċedi bil-Qorti fil-konfront ta’ Easygas għal aġir abbuziv. 

More in Kronaka