"Nerfa' r-responsabilità ta' dak li ġara. L-Istati Uniti titlob maħfra." Kienu dawn kliem il-President Amerikan Barack Obama, hekk kif ilbieraħ bdiet toħroġ l-aħbar li operazzjoni tas-CIA swiet il-ħajja ta' Giovanni Lo Porto, taljan misruq fil-Pakistan fl-2012.
Lo Porto nqatel f'Jannar minn drone tas-CIA f'operazzjoni kontra l-Al Qaeda fil-Pakistan. Fl-istess raid ġie maqtul ostaġg ieħor - Warren Weinstein, Amerikan li nħataf fl-2011.
Fid-19 ta' Jannar tal-2012 intilfet kull traċċa ta' Lo Porto, meta kien sparixxa f'Khyber Pakhtunkhwa, provinċja tal-Pakistan. Ir-raġel ta' 39 sena kien qiegħed hemm fuq missjoni ta' għajnuna, l-"ong Welt Hunger Hilfe" - għajnuna għall-ġuħ madwar id-dinja. Huwa kien qiegħed jieħu ħsieb il-bini ta' ċentri ta' emerġenza fin-nofsinhar tal-pajjiż.
"F'isem il-gvern nagħmel apoloġija lill-familji tal-vittmi" temm jgħid Obama, f'dikjarazzjoni li xxandret fuq it-TV. Intant, il-PM tal-Italja Matteo Renzi li nfurmah b'dan kollu Obama stess qal li huwa "tassew imnikket bil-mewt ta' Taljan li ddedika ħajtu biex jgħin lil ħaddieħor."