Tfajjel ta’ 16-il sena ta’ nazzjonalitá Olandiża allega li ntlaqat minn comb sparati minn kaċċatur fl-inħawi ta’ Pembroke u li l-istess kaċċatur aggredih.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-7.00 a.m. meta t-tfajjel, li huwa student, mar fl-inħawi ta’ Pembroke biex josserva xi għasafar. Huwa allega li kif kien mixi qrib il-rounds tal-football intlaqat f’saqajh iżda ma kienx ċert biex intalqat. Peress li dak il-ħin bdiet nieżla x-xita, huwa mar jistekenn u kien hawn li nduna li ntlaqat biċ-ċomb.
Il-barrani qal li mar sab lill-kaċċatur u kif rah beda joħodlu r-ritratti. Huwa kompla jersaq lejh u akkużah li kien laqtu biċ-ċomb. L-istudent allega li l-kaċċatur beda joffendih u anke li tah daqqa fuq wiċċu.
Minn hemm it-tfajjel mar l-iskola u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn instab li sofra ġrieħi ħfief.
L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Trevor Micallef tad-Distrett.
Sadanittant residenta f’Pembroke aktar kmieni din il-ġimgħa qalet lil illum.com.mt li xi ħadd qaċċat siġra tal-Akkaċja qrib dura li tintuża minn xi kaċċatur. L-istess residenta, li bagħtitilna ritratti, qalet li din id-dura tinsab qrib l-iskola ta’ Pembroke, qrib triq u anke qrib il-Melita Grounds.