Dalgħodu team mill-CABS kienu xhiedha ta' kaċċatur li pprova joqtol spanjulett li hu protett meta kien viċin ir-runway tal-ajruport f'Ħal-Safi. Skont il-CABS il-kaċċatur spara żewġ tiri fuq il-falkun meta kien il-bogħod mill-ajruport madwar 100 metru biss. Il-pulizija ppruvaw isibu lil kaċċatur iżda dan irnexxilu jiżgiċċa. Il-liġi tgħid li hu llegali li tispara viċin tal-perimetru tal-ajruport.
F'inċident separat fis-1.45 p.m. osservaturi tal-CABS iffilmjaw kaċċatur jispara 4 tiri fil-bosk tal-Miżieb barra l-ħin stipulat. Il-filmat juri ċar wiċċ il-kaċċatur u dan il-filmat ġie mgħoddi lil pulizija bie xjinvestigaw il-każ. L-istess team sabu Cuckoo maqtul ftit tal-ħin qabel bl-gaħsfur moħbi taħt siġra. L-għasfur ingħata lil ALE u CABS qalu li dan hu t-tielet daqquqa maqtula fin-naħat tal-Miżieb, żona li jieħdu ħsiebha l-FKNK mill-bidu li nfetħet il-kaċċa fir-Rebbiegħa.