Iddikjarat stat ta' emerġenza f'Baltimore

Midruba 15-il uffiċjal tal-pulizija, 6 minnhom serjament

Vjolenza fit-toroq
Vjolenza fit-toroq

Il-belt ta’ Baltimore fl-Istati Uniti ddikkjarat stat ta’ emerġenza fil-pajjiż hekk kif protesti paċifisti, inbidlu f’atti vjolenti fejn saħansitra tqabbdu diversi nirien.

Fil-mezzi tax-xandir internazzjonali, qed jingħad li kmieni t-Tlieta filgħodu, il-Belt saret donnha xena minn żona ta’ gwerra wara lejl sħiħ ta’ vjolenza u nirien.

Dan kollu qed jingħad li beda sigħat wara l-funeral ta’ Freddie Gray li miet kawża ta’ ġrieħi serji li ġarrab fl-ispina, u dan waqt li kien jinsab fil-kustodja tal-pulizija. Gray huwa raġel ta’ ġilda skura, u għaldaqstant qed jitqies li dan kien xi attakk fuq bażi razzjali.

Minħabba din il-vjolenza, bosta postijiet spiċċaw maħkuma min-nirien, fosthom blokka akkomodazzjoni għall-anzjani. L-iskejjel ukoll jinsabu magħluqa bħalissa minħabba l-vjolenza, waqt li hemm ħinijiet partikolari li n-nies qed jintalbu jkunu f'darhom fil-għaxija.

Min-naħa tagħhom, il-familja ta' Gray qalu li jikkundannaw dawn l-atti ta' vjolenza għaliex huma ma jridux li ssir ġustizzja b'dan il-mod.

Intant, is-sindku ta' Baltimore qalet li l-forzi tas-sigurtà qed jagħmlu l-aħjar li jistgħu, waqt li hemm madwar 5,000 uffiċjal tas-sigurtà mat-toroq.

More in Kronaka