Bombi tad-duħħan biex jinżamm il-curfew f'Baltimore

Aktar żviluppi f'Baltimore wara l-mewt misterjuża ta' Freddie Gray
 

Nirien f'bini hekk kif il-protesti qed jieħdu xejra aktar vjolenti
Nirien f'bini hekk kif il-protesti qed jieħdu xejra aktar vjolenti

Aktar infurzament tal-curfew f'Baltimore hekk kif din il-belt qed tara l-akbar irvellijiet mis-sena 1968. Il-pulizija tefgħu bombi żgħar tad-duħħan u pepper balls lejn għexieren ta' dimostranti - liema dimostranti bdew jattakkaw lill-pulizija bi fliexken u bl-istess bombi żgħar li bdew isibu.

Għad ma kienx hemm rapporti ta' arresti immedjati jew inkella ta' nies li ġew feruti serjament.

Dan kollu wasal wara ġurnata ta' tensjoni għolja f'Baltimore - fejn eluf ta' uffiċjali tal-pulizija kif ukoll Gwardji Nazzjonali niżlu fit-toroq sabiex jaraw li ma jkunx hemm ġurnata oħra ta' rvellijiet bħalma kien hemm nhar it-Tnejn li għadda.

Din kienet l-ewwel darba li ssejħu l-Gwardi Nazzjonali wara l-qtil ta Martin Luther Kind Jr. fl-1968. Il-gvernatur ta' Maryland qal li 2,000 gwardja u 1,000 uffiċjal tal-liġi ħa jkunu għassa mal-lejl.

L-irvellijiet bdew nhar it-Tnejn li għadda, hekk kif Freddie Gray, raġel b'ġilda skura miet f'ċirkostanzi misterjużi b'leżjoni fl-ispina ta' dahru meta kien fil-kustodja tal-pulizija.

More in Kronaka