Hekk kif kważi għaddiet ġimgħa mit-terremot li laqat iċ-ċentru tan-Nepal nhar is-Sibt, is-Salib l-Aħmar qed tgħid kif il-villaġġi u l-ibliet fl-epiċentru soffrew "kważi tifrik assolut".
Tims li jinstabu fuq il-post jeżaminaw is-sitwazzjoni qed jgħidu li s-superstiti jinstabu f'sitwazzjoni ddisprata.
L-awtoritajiet qed jaħsbu li madwar 6,204 persuna tilfu ħajjithom f'terremot ta' 7.8 fuq l-iskala Richter, filwaqt li ħalla 13,932 midruba. Dan jekk wieħed ma jqisx l-eluf ta' nies f'żoni mwarrba li jinstabu maqbuda taħt it-tifrik. Il-gvern fil-fatt wissa li meta wieħed iżomm dawn f'konsiderazzjoni, iċ-ċifra ta' nies li tilfu ħajjithom jaf titla sa aktar minn 10,000.
Minkejja l-isforzi li qed isiru mit-tims ta' salvataġġ kemm min-Nepal kif ukoll mill-komunità internazzjonali, il-kundizzjonijiet tat-temp kif ukoll l-valangi qed ixekklu l-isforz biex jintleħqu żoni aktar rimoti.
Intant, il-ġurnal Kantipur qed jirraporta li ġie salvat tifel ta' 15-il sena minn taħt it-tifrik, kif ukoll mara ta' 24 sena li ġew salvati 128 siegħa wara t-terremot. It-tnejn instabu ħajjin taħt it-tifrik ta' guesthouses differenti - minn tim ta' salvataġġ min-Nepal u mill-Iżrael.