L-MV Phoenix tal-MOAS isalpa għal missjoni ta’ sitt xhur

Il-Bastiment Phoenix li jsalva eluf ta’ ħajjiet fil-Mediterran
Il-Bastiment Phoenix li jsalva eluf ta’ ħajjiet fil-Mediterran

Il-bastiment ta’ salvataġġ, l-MV Phoenix tal-MOAS ilbieraħ salpa għal missjoni ta’ sitt xhur fil-Mediterran. Ftit tal-mumenti qabel it-tluq minn Malta, abbord kien hemm id-Direttur tal-MOAS, l-eks Brigadier Martin Xuereb, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, l-Arċisqof Charles Scicluna kif ukoll l-ambaxxatur  Taljan għal Malta Giovanni De Vito. 

F’kelmtejn qabel it-tluq, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil faħħar l-isforzi li qed isir mill-Migrant Offshort Aid Station (MOAS) fejn qal li s-soċjetà qed tagħti lezzjoni lill-Ewropa u l-bqija tad-dinja fuq kif għandhom jimxu ’il quddiem. 

Tkellem ukoll Martin Xuereb li fid-diskors tiegħu qal li ħass li l-kwisjoni tal-immigrazzjoni ma tieqafx fl-Ewropa u wera t-tama li din l-istorja ta’ suċċess tkun ta’ inspirazzjoni għal bosta oħrajn biex jagħmlu xi ħaġa dwar din il-problema. Huwa enfasizza kemm hu importanti l-irwol tas-soċjetà ċivili biex jiġu salvati eluf ta’ ħajjiet. “Dak li qed jiġri fl-Afrika m’għandhiex issolviha biss l-Ewropa.”

Huwa rrimarka fuq kemm qed tikber l-organizzazzjoni, kemm qed tikseb aktar rikonoxximent, fejn dan iż-żmien sena din l-organizzazzjoni mhux kulħadd kien konvint bil-kapaċità tagħha.

“Aħna lkoll nistgħu nkunu xhida tal-attroċitajiet li rajna,” Sostniet Erna Rijnierse, tabiba tal-Médecins Sans Frontières, li qed jagħtu kura medika abbord tal-Phoenix. “L-unika ħaġa li tista’ tgħin hija li naħdmu u mhux li nitkellmu biss. Irridu niġġieldu għal kull ħajja.” Saħqet Rijnierse. L-istess punt sostnieh Will Turner, il-koordinatur tal-emerġenzi tal-MSF, “il-ġimgħa l-oħra 800 persuna tilfu ħajjithom fuq il-baħar, imma l-istejjer iffukaw fuq it-traffikanti tan-nies u l-kontroll fuq il-fruntieri.” Huwa żied li jittama li l-UE tkompli tieħu r-responsabilità tagħha f’missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, biex b’hekk ma jkunx hemm aktar imwiet fil-baħar. 

More in Kronaka