Minn tal-inqas 5 mejta f'inċident tal-ferrovija f'Philadelphia

Ferrovija li kienet sejra lejn New York taħbat u tħalli 5 mejta u oħrajn midruba

Ferrovija tal-linja Amtrak, li kienet sejra lejn New York, ħabtet f'Philadephia b'konsegwenza li ħalliet minn tal-inqas 5 persuni mejta fost ħafna midruba.Il-ferrovija kienet qed iġġorr 243 persuna inkluż ħames membri tal-ekwipaġġ meta inqalbet minn mal-linji tal-ferrovija fil-vjaġġ tagħha bejn Washington DC u New York.

Skont dak li qalu xi passiġġiera, il-ferrovija kienet tinsab f'dawra meta ħassewha qed tiċċaqlaq u titriegħed.

Is-sindku ta' Philadelphia Michael Nutter qal li ħames persuni kienu mietu, waqt li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda 'diżastruża'. L-awtoritajiet qalu li hemm minn tal-inqas sitt persuni oħra li sofrew xi ġrieħi u jinsabu f'qagħda kritika, waqt li 65 passiġġier ittieħdu l-isptar minn dan l-inċident f'ferrovija li kienet qed taqdi rotta pjuttost popolari bejn il-kapitali Amerikana u New York.

Xi passiġġiera inqabdu fit-tifrik u għalhekk, kellhom jintużaw diversi mezzi mil-membri tal-protezzjoni ċivili sabiex joħorġuhom. Tinsab għaddejja tfittxija oħra sabiex jiġu determinati jekk hemmx persuni oħra maqbuda.

More in Kronaka