Ministru tad-Difiża jinqatel għax ħa nagħsa

Il-Ministru tad-Difiża tal-Korea ta' Fuq inqatel quddiem mijiet ta' nies

Skont rapporti ,jidher li l-Korea ta' Fuq qatlet lill-Ministeru tad-Difiża tagħha talli raqad f'avveniment militari li għalih kien qed jattendi l-kap tal-pajjiż, Kim Jong Un, u ma obdiex istruzzjonijiet tal-kap tiegħu.

Il-Ministru tad-Difiża kien wieħed mill-iktar nies qrib ta' Kim Jong Un fil-pajjiż.

Skont rapporti fil-mezzi tax-xandir tal-Korea t'Isfel, Hyon Yong Chol ġie akkużat li kien qed jikkonfoffa u jispija u għalhekk inqatel fl-aħħar ta' April quddiem mijiet ta' uffiċjali tal-Korea ta' Fuq.

Qed jingħad li Hyon, li kien il-kap tal-Forzi Armati tal-pajjiż, kemm-il darba kien irrisponda lura għal dak li kien jgħidlu d-dittatur tal-Korea ta' Fuq.

Il-qtil permezz tal-piena kapitali ta' Hyon kien l-aħħar wieħed f'sensiela ta' attakki kontra uffiċjali tal-pajjiż. Matul ix-xahar li għadda huwa mifhum li ġie ordnat il-qtil ta' 15-il uffiċjal talli marru kontra t-tmexxija tad-dittatur.

More in Kronaka