"Fil-ġimgħat li ġejjin, l-Italja mhux biss ħa tesperjenza l-wasla tal-immigranti foqra Afrikani, imma wkoll ta' dgħajjes li qed iġorru Daesh (Isis)." Dan kien kliem Omar al Gawari, il-Ministru għall-Informazzjoni tal-Gvern ta' Tobruk fil-Libja, hekk kif tkellem mal-kamra tal-aħbarijiet tal-ANSA. Huwa sostna li Malta ħa tkun affettwata wkoll. Dan skont dak li qed tirrapporta l-kamra tal-aħbarijiet ANSA.
Kemm Malta kif ukoll b'mod partikolari l-Italja bħalissa qed tircevi eluf ta' immigranti, l-aktar permezz ta' dgħajjes li permezz tagħhom dawn l-immigranti qed jaqsmu l-Mediterran.
Dan jiġi wara li fix-xhur li għaddew terroristi tal-Istat Iżlamiku għeddew li jattakkaw ukoll il-Vatikan.
Il-Libja huwa post ta' tranżitu principali fil-vjaġġ tal-immigranti lejn l-Ewropa, post li bħalissa, minħabba l-kaos li hemm fih, hemm anqas u anqas kontroll fuq min u x'jitlaq mill-portijiet tagħha. Dan hekk kif minkejja l-irvellijiet tar-Rebbiegħa Għarbija, il-Libja għadha politikament instabbli.
Intant, fil-ġlieda tagħha kontra t-traffikanti tal-immigranti, l-UE qed tfittex mandat tal-Ġnus Magħquda sabiex tkun tista' tagħmel użu minn azzjoni militari biex twaqqaf u tkisser dgħajjes vojta li jintużaw biex iġorru l-immigranti lejn l-Ewropa. Din kienet xi ħaġa li ġiet ikkritikata mil-Libja stess.