L-UE tippjana li fil-Libja tattakka wkoll minn fuq l-art
Rapport maħruġ minn The Guardian jiżvela l-pjanijiet militari tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra t-traffikanti tal-immigranti
More in Kronaka
Rapport maħruġ minn The Guardian jiżvela l-pjanijiet militari tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra t-traffikanti tal-immigranti
Il-kampanja militari tal-UE kontra t-traffikanti tal-immigranti tinkludi wkoll forzi fuq l-art fit-territorju Libjan. Dan skont rapport esklussiv maħruġ mill-ġurnal Ingliż The Guardian, li huwa rapport tal-istrateġija li l-UE ħa tieħu fil-ġlieda tagħha kontra r-retikolati ta' traffikanti li fil-maġġoranza tagħhom qed joperaw mil-Libja.
Dan ir-rapport, ta' 19-il paġna jiffoka fuq il-kampanja mill-ajru u dik navali fil-Mediterran kif ukoll fl-ibħra territorjali Libjani. Dan ir-rapport għad irid jiġi aċċettat mill-Ġnus Magħquda.
"Jista' jkun hemm preżenza fuq l-art jekk ikun hemm ftehim bejn l-awtoritajiet relevanti," jingħad f'dan ir-rapport, li hu mistenni li jkun hemm qbil dwaru fil-laqgħa ta' nhar it-Tnejn bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej. Din imbagħad tgħaddi minn taħt il-kapijiet ta' stat f'laqgħa għolja tal-UE f'Ġunju.
"L-operazzjoni jaf tinkludi kapaċitajiet kemm mill-ajru, marittimi kif ukoll fuq l-art." Fost l-oħrajn dan ir-rapport jgħid li dan ħa jsir permezz ta' sorvelljanza, reconnaissance, patrol units (kemm mill-ajru u kemm marittimi).
Id-dokument jitkellem ukoll dwar operazzjonijiet sabiex jitfarrku l-assi tat-traffikanti "fuq l-art". Dan jaf jiknkludi "azzjoni mal-kosta, fil-port jew meta l-assi tat-traffikanti jkunu ankrati qabel jibdew jintużaw il-bastimenti."
Il-mexxejja tal-UE tliet ġimgħa ilu talbu lill-Federica Mogherini, il-koordinatur tal-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE sabiex toħroġ bi proposti għal azzjoni militari sabiex jiġu miġġielda t-traffikanti u r-retikolati tagħhom. Aktar kmieni diln il-ġimgħa mogherini kienet fi New York sabiex titlob l-awtorizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għal din l-azzjoni militari. Hemm il-ħsieb li r-Russja jaf toġġezzjona għal din il-proposta, minkejja li qalet li hija lesta li "tikoopera" f'xi oqsma.
Dan l-istess rapport jagħraf li din il-kampanja jaf twassal għall-qtil ta' nies innoċenti: "dawn l-operazzjoni tat-tifrik tal-bastimenti, kontra t-traffikanti, fil-preżenza tal-immigranti għandha r-riskju għoli li jkollha dannu kollaterali li tinkludi wkoll it-telf ta' ħajja."
Din il-kampanja militari kontra t-traffikanti tal-immigranti ġiet ordnata hekk kif il-fluss ta' immigranti mill-Afrika u mil-Lvant Nofsani, li jgħaddu mil-Libja kien wieħed ta' rekord - b'2,000 stmati li tilfu ħajjithom f'dan il-vjaġġ perikoluż.
Ir-rapport jikkwota informazzjoni mill-pulizija Taljana fejn qed tistma li 200,000 immigrant huma lesti li jirkbu bastimenti li ma jifilħux għall-vjaġġ, bit-tama li jilħqu l-Italja mil-Libja.
10 pajjiżi tal-EU offrew li jkunu parti minn din il-kampanja, inkluż l-Italja li se tkun qed tmexxiha. Pajjiżi oħra jinkludu r-Renju Unit, Franza u Spanja.