Żewġt irġiel ittieħdu l-isptar hekk kif sfaw feruti wara li ntlaqtu minn tal-linja fil-venda tal-Belt. L-inċident seħh dalgħodu għall-ħin tad-9:35am.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li l-vettura kienet ipparkjata fil-venda meta ntlemħet miexja lejn sit ta’ kostruzzjoni fl-istess lok. Kif raw hekk, numru ta’ xufiera li kien hemm fil-viċin ippruvaw jirkbu fuq il-vettura biex iwaqqfuha imma kien kollu ta’ xejn għaliex ix-xarabank sussegwentament laqtet iż-żewġt irġiel, kif ukoll għamlet ħsarat fuq żewġ karozzi pparkjati u għelbet grada u blokka tal-konkrit li kienet qed tagħlaq l-aċċess għal fejn qegħdin qed isiru x-xogħlijiet.
L-irġiel ittieħdu Mater Dei għall-kura. Wieħed mill-irġiel, ta' 31 sena, joqgħod Ħaż-Żabbar, filwaqt li l-ieħor ta' 34 sena joqgħod Birkirkara.
Il-kundizzjoni tagħhom għadha mhux magħrufa.
Il-karozza tal-linja kkawżat dannu wkoll fuq żewġ vetturi oħra u xatba.
Il-pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.